Għada l-Ħadd, fil-Venezuela se jsir Jum ta’ Talb mal-pajjiż kollu – fil-knejjes, fid-djar u fil-komunitajiet – fejn il-poplu jitlob lil Alla biex fil-pajjiż ikun hemm il-paċi, r-rikonċiljazzjoni, il-libertà, is-saħħa fir-ruħ u fil-ġisem u biex ikun hemm ġesti ta’ fraternità u solidarjetà fid-diversi komunitajiet.

Il-President tal-Konferenza Episkopali , il-Presiden tal-Konferenza tar-Reliġjużi u tal-Kunsill Nazzjonali tal-Lajċi, ħarġu komunikat flimkien li fih appellaw lill-poplu kollu josserva dan il-Jum ta’ Talb.

Fil-komunitajiet kollha madwar il-pajjiż “qed nesperjenzaw sitwazzjoni drammatika, ta’ tbatija u nġustizzja minħabba n-nuqqasijiet tal-ħtiġijiet neċessarji biex wieħed jgħix ħajja dinjituża”, tgħid l-istqarrija mibgħuta lill-FIDES u rappurtata mill-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenit”.

Elezzjonijiet ħielsa

Din is-sitwazzjoni wasslet biex il-poplu qed ifittex “bidla politika permezz ta’ proċess ta’ tranżizzjoni trasparenti li twassal għal elezzjonijiet leġittimi ħielsa, biex il-pajjiż jerġa’ jaqbad it-triq tad-demokrazija u terġa’ tidħol is-saltna tad-dritt, tinbena mill-ġdid il-fibra soċjali, l-ekonomija, il-produzzjoni, il-moralità u l-għaqda tal-poplu Venezuelan”.

Dan il-proċess elettorali “għandu jsir b’mod paċifiku skont il-Kostituzzjoni tal-pajjiż biex tkun frankata aktar tbatija lill-popolazzjoni. Ir-ripressjoni politika li qed tkompli tiżdied, il-ksur tad-drittijiet umani u l-arresti arbitrarji u selettivi huma moralment inaċettabbli”, tgħid l-istqarrija.

Infittxu l-ġid komuni

Filwaqt li appellaw lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jaqdu dmirhom u jservu lill-poplu u biex iwaqqfu l-abbużi ta’ poter imsemmija, partikolarment iż-żamma ta’ minuri, il-Konferenza Episkopali, ir-reliġjużi u l-lajċi rringrazzjaw lill-attivisti facur id-drittijiet umani għall-ħidma tagħhom minkejja r-riskji li jiffaċċjaw u ħeġġewhom ikomplu jassistu lill-vittmi li qed isofru l-inġustizzji u talbu biex ikun hemm “rispett u sigurtà personali u legali għal dawk li qed jagħtu dan is-servizz meħtieġ fil-pajjiż.”

Il-Knisja Kattolika appellat biex jingħataw il-permessi meħtieġa biex tkompli tingħata l-għajnuna li ttaffi l-impatt tal-kriżi tal-pajjiż minn fuq il-persuni vulnerabbli.  Il-Caritas Venezuela u diversi organiżazzjonijiet tal-Knisja li jaħdmu fil-qasam soċjali huma determinati li jkomplu joffru s-servizzi diversi tagħhom fil-pajjiż kollu “b’ġustizzja, tasparenza, inklużjoni u b’mod effettiv”.

“F’dan il-mument kruċjali fl-istorja tal-pajjiż mistiednu lill-poplu kollu tal-Venezuela biex jagħmlu ħilithom, kulħadd fil-qasam tiegħu, għax bl-għaqda, is-solidarjetà, ir-responsabbiltà etika, infittxu l-ġid komuni u naħdmu bla heda biex nibnu mill-ġdid id-demokrazija u l-pajjiż kollu kemm hu mingħajr tixrid ta’ demm, kif awguralna l-Papa Franġisku”.