Il-Parlament Ewropew se jkun qed jieħu vot dan ix-xahar dwar jekk id-9 ta’ Mejju għandiex tibda titqies bħala festa pubblika. Din l-inizjattiva qed tiġi ikkunsidrata bħala pass ta’ għaqda bejn il-membi kollha tal-Unjoni Ewropa. B’hekk iċ-ċittadini kollha membri jkunu jistgħu jaqsmu u jiċċelebraw dak kollu li jagħmilhom Ewropej f’din il-ġurnata. S’issa, din il-ġurnata kienet biss meqjusa bħala festa għall-membri u l-ħaddiema tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Id-9 ta’ Mejju timmarka l-ġurnata meta fl-1950 il-ministru Franċiż għall-affarijiet barranin Robert Schuman welled l-idea tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Ħadid. Dan kien il-qafas tal-Unjoni Ewropea kif nafuha llum. Biex imbagħad, fl-1985 bdiet tiġi ċċelebrata Jum l-Ewropa, il-ġurnata fejn il-paċi u l-unità kienu l-qofol taċ-ċelebrazzjoni.

Illum il-ġurnata, Jum l-Ewropa hija ċċelebrata fl-istituzzjonijiet, li jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku fi Brussell u fi Strasburgu. L-uffiċċji u l-organizzazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja wkoll jorganizzaw attivitajiet u avvenimenti. Eluf ta’ nies jiċċelebraw din il-ġurnata billi jattendu għal xi kunċert, jitkellmu f’dibattiti, iżuru istituzzjonijiet, u kwalunkwe ħaġa oħra li tkun għaddejja fl-Istati Membri u barra mill-Unjoni biex tfakkar il-viżjoni Ewropea.