Curia – church.mt/photos

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Quddiesa tal-Ħadd hija l-kriterju tal-imħabba biex inkissru l-inġustizzja fis-soċjetà. Fisser ukoll kif il-quddiesa twassalna għall-għaqda bejnietna. Huwa qal dan fl-Omelija tal-quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta.

L-Arċisqof fisser kif din il-festa hija “tradizzjoni li minn dejjem ħaddanniha”, iżda saħaq li m’għandniex nagħmlu il-knejjes bħala mużewijiet tal-irħam, tal-kristalli jew tal-pitturi, fl-istess waqt li saħaq biex il-knejjes ikunu maqdes ħajjin fejn niltaqgħu ma’ Ġesù. Huwa fisser kif dak li ġabilna San Pawl mhux folklor, “imma huwa don u rigal li magħhom iġibu responsabbiltà kbira”. L-Arċisqof bierek lil kull min fis-soċjetà Maltija qed jagħmel dan b’responsabbiltà.

Matul l-Omelija, l-Arċisqof Scicluna spjega f’aktar dettall xi tfisser il-providenza li ġab San Pawl fuq Malta. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex japprezzaw x’għamel San Pawl mal-Maltin, jiġifieri li laqqagħna ma’ Ġesù fil-Magħmudija u fl-Ewkaristija.

Tkellem ukoll dwar il-konverżjoni ta’ San Pawl meta qal li Sawlu kien jara lill-Insara bħala għedewwa għax kien jippersegwitahom, issa jarahom bħala aħwa.

This slideshow requires JavaScript.

“B’ħajtek trid tkun xhud li int ħaġa waħda ma’ Ġesù”

L-Arċisqof spjega li San Pawl huwa l-ewwel Appostlu li jirrakkonta l-Ewkaristija. Fisser kif l-Ewkaristija ġiet irrakkuntata għall-ewwel darba fl-istorja tal-kitba nisranija peress li l-ittra lill-Korintin inkitbet qabel l-Evanġelji.

L-Arċisqof qal li wieħed irid ikun xhieda ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ kuljum. Spjega li jekk m’hawnx għatx għall-Ewkaristija, irridu nsegwu aktar kliem San Pawl filwaqt li stqarr li “ma nistgħux niċħdu d-don kbir li ġabilna l-Appostlu missierna San Pawl”. L-Arċisqof qal li San Pawl ħass il-ħtieġa li jgħaddi l-fidi iżda jħalli lill-komunità tal-Korintin li jħallihom fil-libertà. Spjega li din xi ħaġa komuni fil-kitbiet ta’ San Pawl li jħalli lill-komunitajiet li kien jgħammed fil-libertà u jixtarru fl-intelliġenza tagħhom.

Jfisser kif San Pawl jitkellem dwar l-inġustizzji “bejn min hu bil-ġuħ u fis-sakra, bejn min hu fqir u sinjur” filwaqt li jgħid kif San Pawl jagħtina t-tama.

Fl-Omelija tiegħu, l-Arċisqof jitkellem dwar il-Maltin li laqgħu lil San Pawl fin-Nawfraġju tiegħu. Jgħid li kienu nies li meta jaraw lil xi ħadd fil-bżonn jagħmlu xi ħaġa ta’ ġid billi jilqgħu lil min kien għadu kemm sofra n-nawfraġju.

Jisħaq ukoll li l-Maltin kellhom sens ta’ ġustizzja, minħabba li jiddeċiedu li San Pawl huwa qattiel meta jaraw il-lifgħa taqbad ma’ idu. L-Arċisqof jispjega kif il-Maltin emmnu li l-gidma tal-lifgħa se twassal lil Pawlu għal mewt. Tkellem ukoll dwar il-liġi tal-proporzjon u jikkwota billi jgħid li l-Maltin qalu li San Pawl “salva mill-baħar imma l-ġustizzja ma ħallitux jgħix”.

Jgħid iżda li l-Maltin qabżu minn estrem għall-ieħor fi ftit minuti għax bdew jgħidu li hu Alla.

Mill-Maltin li laqgħu lil San Pawl, l-Arċisqof jitkellem dwar l-artisti Maltin meta jgħid li kollha kemm huma jpittru lil San Pawl b’idu merfugħa. Jispjega li anki fl-istatwa ta’ Gafa meqjuma fil-Knsija Parrokkjali ta’ San Pawl Nawgfragu fil-Belt, San Pawl għandu “id ħielsa mill-id tal-lifgħa” li hija tipika tal-ikonografija Maltija meta l-artisti jpinġu lil San Pawl.