Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li biex l-Gvern imur lura ‘back to drawing board’ biex jara jekk il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex għandux isir jew le qegħdin tard. Caruana sostniet li “qiegħdin tardivi wisq” dan filwaqt li qalet li l-Gvern Laburista għandu mandat biex jibni l-mina.

Meta kienet qed tieħu sehem fil-programm Follow Up fuq RTK 103 FM, Caruana qalet li d-diskussjoni issa waslet f’punt fejn l-istudji għandhom iwasslu għall-implimentazzjoni tal-proġett.

“Il-politiċi jagħmlu disservizz jekk iħallu d-diskussjoni tkompli”

Il-Ministru kompliet tgħid li jekk l-politiċi jħallu diskussjoni għaddejja ikunu qed iwettqu disservizz lil dawk li qed jirrappreżentaw. Hija kienet qed tgħid dan meta kkonfrontata bil-mistoqsija dwar jekk taqbilx ma’ dak li qal Dr Franco Mercieca aktar kmieni din il-ġimgħa dwar l-iżviluppi bi tħejjija għal ħruġ tat-tender għal bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex.

Fissret kif fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, il-proposta tal-mina kienet fil-manifesti elettorali. “Hemm kienet kulħadd seta’ jaraha” saħqet Caruana. Hija kompliet tgħid li meta n-nies jivvuttaw ma jarawx biss lil min se jivvottaw iżda wkoll jeżminaw il-proposti taż-żewġ partiti.

“Ħadd ma jista’ jiġi u jgħid li din waqgħet mis-sema u ma saret l-ebda diskussjoni fuqha. Hawn qed jitkellmu fuq aktar minn leġislatura waħda. Saru diversi laqgħat ta’ informazzjoni għall-pubbliku fejn wieħed seta’ jiddokumenta ruħu,” stqarret Caruana.

Fil-programm hija tkellmet dwar l-istudji li diġà saru li qalet li jindikaw li anki qabel l-elezzjoni, il-mina kienet l-aħjar għażla. Spjegat ukoll li l-istudji tal-2016 jikkonfermaw dawk il-preliminari tal-2012. Waqt il-programm, xi semmiegħa qalu li huma favur referendum biex ikun deċiż jekk il-proġett tal-mina għandux isir jew le.

Deputati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista ma aċċettawx jew ma weġbux għall-istedina li jipparteċipaw fil-programm.

Tista’ tara l-programm sħiħ hawnhekk.