It-Turkija qed titlob liċ-Ċina biex tagħlaq il-kampijiet ta’ detenzjoni għal miljun Musulman ta’ etniċità Uighur għax huma “għajb għall-umanità.”

Il-ġimgħa l-oħra attivisti għamlu pressjoni fuq pajjiżi Ewropej biex jiftħu investigazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti fuq id-detenzjoni u l-indottrinazzjoni sfurzata ta’ madwar miljun Musulman li jitkellmu b’lingwa torka u Musulmani oħra fil-provinċja ta’ Xinjiang.

Il-kelliem tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Tork, qal li huwa magħruf li iżjed minn miljun Musulman tork sofrew minn dawn l-arresti u anke ġew ittorturati fiżikament u mentalment.

Din ir-reazzjoni tat-Turkija waslet wara l-mewt tal-poeta u mużiċista Musulman Abdurehim Heyit waqt li kien qed jinżamm ġo wieħed minn dawn il-kampijiet.

Iċ-Ċina min-naħa tagħha qed tgħid li tipproteġi r-reliġjon u l-kultura tal-minoritajiet u li fil-provinċja ta’ Xinjiang hemm bżonn iżjed miżuri ta’ sigurtà kontra gruppi li qed ikunu vjolenti.