Hekk kif ir-rebbieħ tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival Sanremo beda jipprepara biex f’Mejju li ġej jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest, il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini ma deherx kuntent b’dan ir-riżultat.

Is-Sibt, Mahmood, li huwa ta’ nisel Eġizzjan minn Sardegna rebaħ id-69 edizzjoni tal-festival mużikali Sanremo bil-kanzunetta Soldi. Ultimo ġie t-tieni filwaqt li l-grupp Il Volo ġew it-tielet.

Salvini jidher li ma tantx ħa gost li Mahmood rebaħ u għadda lil Ultimo, billi staqsa lis-segwaċi tiegħu jekk Soldi kinitx l-isbaħ kanzunetta Taljana li kellha tirbaħ.

Wara l-kunċert, Mahmood wieġeb għall-mistoqsija dwar jekk hux Taljan, bir-risposta tkun li huwa mija fil-mija Taljan minħabba li twieled u trabba fl-Italja.

Interessanti l-fatt li Elisa Isoardi, l-eks tfajla ta’ Salvini kienet pożittiva ħafna għal dan ir-riżultat peress li fuq Twitter kitbet li r-rebħa ta’ Mahmood hija prova ta’ kemm meta l-kultura tiġi mżewqa b’ilwien differenti tiġi kkreata s-sbuħija.