Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li jidher li hemm fdalijiet ta’ bastiment u ta’ żewġ ajruplani fir-rotta li se jkun qed jgħaddi minnha l-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Qal li dawn jinsabu fl-ibħra territorjali Maltin u li ma kien hemm l-ebda tagħrif dwarhom s’issa. Lejn in-naħa ta’ Gela qal li diġà nstabu xi fdalijiet storiċi oħra.

Il-Ministru Mizzi spjega li diġà qed tittieħed azzjoni sabiex meta jingħadda l-pipeline, dawn ma ssirilhom l-ebda ħsara.

Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mressqa mid-deputata Laburista Rosianne Cutajar, il-Ministru Mizzi qal li dawn is-sejbiet huma interessanti għal Heritage Malta. Semma kif l-istudji dettaljati, fosthom dawk ambjentali, issa waslu fl-aħħar fażi.

Huwa faħħar ukoll il-koperazzjoni tajba li qal teżisti bejn il-Gvern Malti u dak Taljan, kif ukoll is-sehem tal-Presidenza Ewropea.

Il-pipeline tal-gass se jkollu tul ta’ madwar 160 kilometru u se jiswa mat-€350 miljun.