Il-Qorti tal-Appell ordnat li l-eks-direttur tal-Avjazzjoni Ċivili Ian Falzon għandu jingħata bonus ta’ €8,000 mill-Awtorità tat-Trasport. Dan wara li f’Jannar tal-2015, Falzon sostna li l-Awtorità kellha tagħtih €8,000 bħala bonus li kien tiegħu bi dritt għas-sena ta’ ħidma 2013.

Wara li l-ewwel qorti kienet irrifjutat it-talba ta’ Falzon, il-Qorti tal-Appelli qalet li qed tinnota li hemm proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu. Madankollu qalet li dawn il-proċeduri kienu fis-seħħ meta Falzon kien impjegat ma’ kumpanija oħra, u mhux mal-Awtorità tat-Trasport.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell qatgħatha li minkejja l-fatt li hemm proċeduri kriminali kontra persuna, dawn m’għandhomx jaffettwaw il-bonus li jingħata.

Ian Falzon, flimkien ma’ Lawrence Fenech, kienu qed jiġu investigati fuq fordi u miżappropjazzjoni ta’ fondi ta’ madwar €150,000 wara investigazzjoni mis-sezzjoni tal-Awditjar. Fiha kien instab li allegatament intużat credit card tal-Gvern sabiex jinxtraw oġġetti personali bejn l-2008 u l-2010.

Il-każ ta’ Falzon għadu għaddej fil-qorti.