L-Arċisqof Charles Scicluna qal li għalkemm Malta għadha ma laħqitx il-livelli baxxi ta’ attendenza għall-quddies tal-Ħadd bħar-rati f’pajjiżi oħra Ewropej, f’Malta qed tonqos u mistennija tonqos aktar. Għall-Arċisqof dan huwa “xokkanti”. Huwa spjega li bħalma huwa ma jieħux gost bir-riżultati li ħafna drabi jkollu meta jagħmel it-testijiet tad-demm, lanqas ħa gost bir-riżultati ta’ dan iċ-ċensiment. L-Arċisqof qal li Knisja għaddejja minn sfida iżda ħeġġeġ biex inħarsu l-quddiem biex il-Knsija f’Malta “taqra s-sinjali taż-żminijiet”.

Mons Arċisqof kien qed jiġi intervistat għall-programm Follow-up fuq l-RTK. L-intervista sħiħa se tixxandar illum it-Tnejn 11 ta’ Frar fil-5pm.

Fl-Ewropa hemm ċifri bejn 5% u 20%

Skont iċ-ċensiment li sar fit-2 u t-3 ta’ Diċembru 2017 instab li 36% tal-popolazzjoni Nisranija jmorru l-quddies il-Ħadd u li l-popolazzjoni li tmur il-quddies qed tikber fl-eta.

L-Arċisqof qal li huwa tajjeb li wieħed janalizza l-istatistika madwar id-dinja peress li jgħid li f’dinja globalizzata “huwa tajjeb li naraw il-kuntest wiesa’”. Ma’ postijiet oħra fl-Ewropa, Malta tinsab f’pożizzjoni tajba minħabba li f’dawn il-pajjiżi, l-attendenza fil-quddies hija baxxa ferm:

  • Fl-Italja qed jagħlqu ħafna parroċċi u wieħed minn kull ħamsa jattendi l-quddies (20%).
  • Franza l-istatistika tinżel għal wieħed minn kull għaxra (10%).
  • Netherlands (5%).

Spjega li l-istatistika ppreżentata miċ-ċensiment li sar fi tmiem il-ġimgħa partikolari, huwa “snapshot” u ma jfissirx li huwa rappreżentattiv tas-sitwazzjoni sħiħa.

L-Arċisqof semma wkoll illi barra ċ-ċensiment sar survey li wera li 70% tal-Maltin imorru quddies almenu darba f’xahar.

Luke Zerafa

 “Imprudenti li naslu għall-konklużjonijiet faċli”

Mons. Scicluna fisser ukoll kif il-Knisja hija bħal familja li tgħaddi minn mument diffiċli u bħalissa l-Knisja għaddejja minn sfida iżda ħeġġeġ biex inħarsu l-quddiem biex il-Knsija f’Malta “taqra s-sinjali taż-żminijiet”.Qal li t-triq il-quddiem hija li b’għaqal it-tmexxija tal-Knisja tanalizza l-informazzjoni li ħarġet, li speċifika li għadha biss raw data u li għaldaqstant ma turikx xi tfisser f’sens prattiku għad-Djoċesi u għall-Parroċċi. Dan filwaqt li saħaq li “huwa imprudenti li naslu għal konklużjonijiet faċli u mingħajr ħsieb”.

Ristrutturar meħtieġ…imma se jsir?

Dwar ir-ristrutturar tal-Knisja fl-ambitu taċ-ċensiment, l-Arċisqof irrefera għaċ-ċensiment li kien sar fl-2005 li b’riżultat tiegħu il-Knisja kienet ħadet id-deċiżjoni li titnaqqas il-frekwenza tal-quddies. Iżda qal li flok tnaqqsu żdiedu. Fisser kif id-deċiżjoni li ttieħedet ma wasslitx għal ristrutturar u għalhekk semma l-ħtieġa ta’ follow-up mal-parroċċi biex dak imsemmi fir-ristrutturar jitpoġġa fil-prattika.

Luke Zerafa

Semma wkoll li r-riżultati tal-istħarriġ ġab miegħu kritika mingħand dawk li b’mod ironiku sejjħilhom bħala ”dawk li jħobbu ħafna lill-Knisja”. Qal li  dawn ħadu gost billi sawwtu lill-Knisja.

Mistoqsi jekk hux se jittieħdu d-deċiżjonijiet għar-ristrutturar li hemm bżonn, l-Arċisqof wieġeb li l-Isqof ma jistax jagħmel kollox waħdu. Saħaq li għandu jkun hemm sens ta’ ownershipgħad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kappillani u s-Superjuri Reliġjużi u fl-assenza ta’ dan, l-Isqof ikun jaqbillu ma jħabbarhomx. Qal li jekk jitħabbru d’xenarju fejn ma jkunx hemm kollaborazzjoni bejn it-tmexxija sħiħa tal-Knisja, jkun inutli għax tinħoloq aspettativa żejda.

Napprezzaw is-sinifikat tal-Quddiesa tal-Ħadd

L-Arċisqof Scicluna qal li sforz tar-riżultati li ħarġu, għandna nibdew napprezzaw iktar is-sinnifikat tal-Quddiesa tal-Ħadd. Spjega li l-pubbliku ma jagħmel xejn jekk m’għandux motivazzjoni u ma jkollux raġuni tajba biex jagħmel xi ħaġa.

Qal li l-Knisja se tiffoka wkoll fuq dawk li qiegħdin jattendu l-Quddiesa biex timmotivahom biex apparti li jmorru u jipparteċipaw fil-Quddiesa, il-motivazzjoni tagħhom twassal biex il-parteċipazzjoni ta’ nies oħra tiżdied.