Bdew jitqiegħdu l-pedamenti għall-ewwel żewġ strutturi minn sebgħa ta’ pontijiet tal-proġett tal-junction tal-Marsa li se jgħaqqdu Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro. Dan qalu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru qal li l-implimentazzjoni tat-tielet fażi ta’ dan l-investiment ta’ €70 miljun se ttejjeb il-ħolqa prinċipali fin-Nofsinhar ta’ Malta. Borg qal li l-pontijiet se jkunu ogħla milli qatt kienu f’Malta, bl-ogħla wieħed jitla’ aktar minn erba’ sulari biex jaqbeż pont li jinsab taħtu filwaqt li l-itwal tnejn, li se jestendu għal aktar minn 400 metru, se jgħaqqdu Triq Garibaldi u Vjal Santa Luċija ma’ Triq Aldo Moro. L-usa’ mis-7 strutturi se jinkludi 4 korsiji għall-vetturi li se jinqasmu f’żewġ pontijiet differenti, kull wieħed b’żewġ korsiji.

Il-Ministru Borg spjega li dawn il-pontijiet u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li ġew mibnija mill-ġdid, se jkunu separati fuq 3 livelli differenti, se joħolqu konnessjonijiet diretti ’l fuq u ’l isfel bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibaldi u Triq il-Marsa. Skont il-Ministru, permezz ta’ dan il-junction, l-istennija għad-dwal tat-traffiku se tonqos.

DOI: Jeremy Wonnacott

It-tielet fażi tal-proġett għandha tintroduċi wkoll aktar minn 1.6 kilometru ta’ passaġġi fejn jimxu n-nies, u korsiji għaċ-ċiklisti ġodda f’dawn l-inħawi bejn il-Marsa u Raħal Ġdid. Tinkludi wkoll tliet pontijiet fejn jistgħu jimxu n-nies, erba’ karreġġjati ġodda għall-karozzi tal-linja, 0.6 kilometru ta’ korsiji għat-trasport pubbliku u faċilità tal-park and ride bi 380 spazju.