Is-sena l-oħra, l-aktar suġġett li kellhom jerġgħu jipprovaw għalih l-istudenti Maltin wara s-sessjoni ewlenija tal-eżamijiet, kien il-Matematika.

Rapport maħruġ mis-Sezzjoni tal-MATSEC fl-Università ta’ Malta, jindika li aktar minn nofs l-istudenti li għamlu xi eżami tar-re-sit kien propju fil-Matematika.

Joħroġ ukoll li kważi wieħed minn kull tliet kandidati li applikaw għas-sessjoni ewlenija tal-MATSEC, kellhom jerġgħu joqogħdu għal xi eżami jew aktar fis-sessjoni supplementari.

It-tfajliet bl-aqwa riżultati fl-eżamijiet

Dan ir-rapport jindika kif is-sena l-oħra, nofs l-istudenti ta’ 16-il sena ġabu r-riżultati meħtieġa fl-eżamijiet tal-MATSEC biex għaddew għas-Sixth Form. Il-parti l-kbira tagħhom kienu nisa, tant li anke l-aqwa riżultati fl-istess eżamijiet – jiġifieri mill-gradi 1 sa 3 – inkisbu mill-istudenti tfajliet.

70% jgħaddu mill-Ingliż, 60% mill-Malti

Fis-sessjoni ewlenija tal-eżamijiet tal-MATSEC tas-sena l-oħra, fost l-istudenti li twieldu Malta u li kellhom 16-il sena, kważi 70% minnhom għaddew mill-Ingliż, mas-60% għaddew mill-Malti, u mas-56% għaddew mill-eżami tal-Matematika.

Min-naħa l-oħra, l-aktar eżamijiet speċjalizzati huma dawk li ġejjin minn skejjel tal-istat bħalma huma l-Etika u d-Diżinn u t-Tessuti.

Spanjol u Accounts jekk studjajt għar-rasek

Fost dawk li għamlu xi eżami għar-rashom, l-aktar suġġetti popolari kienu l-Ispanjol u l-Accounts.

9 jew 10 eżamijiet f’daqqa

Il-parti l-kbira ta’ dawk li għamlu l-MATSEC ta’ 16-il sena qagħdu għal disa’ jew għaxar eżamijiet f’daqqa. Il-persentaġġi ta’ dawk li ġejjin minn skejjel indipendenti jew tal-knisja kienu sostanzjalment ogħla minn dawk tal-iskejjel tal-gvern.

Il-Fiżika l-aktar popolari fost is-suġġetti tax-xjenza

Il-parti l-kbira tal-kandidati għażlu suġġett wieħed tax-xjenza, bil-Fiżika jkun l-aktar wieħed popolari. Ħafna iktar nisa daħlu għall-eżami tal-Bijoloġija milli rġiel, filwaqt li kważi ħadd ma għażel is-suġġett tal-Kimika waħdu.

It-Taljan u l-Franċiż l-aktar lingwi magħżula

Fejn jidħlu l-lingwi barranin, 65% tal-istudenti għażlu t-Taljan, segwit mill-Franċiż.

Imorru tajjeb jekk ikun hemm assessjar fl-iskola

L-istess rapport tal-Università jindika li hemm 19-il suġġett li jitlob assessjar mill-iskola, u jidher li l-kandidati jmorru tajjeb f’dawn it-tip ta’ proġetti jew taqsimiet orali tal-eżami.

Fejn jidħlu talbiet għar-Reviżjoni tal-Karta, kien hemm 2% tal-istudenti li talbu li l-eżaminaturi jerġgħu jikkoreġulhom il-karta.

“Ebda progress fl-edukazzjoni fl-aħħar 4 snin” – PN

Intant b’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Partit Nazzjonalista sostna li fl-aħħar erba’ snin, ma kien hemm l-ebda progress fl-edukazzjoni u li dan ifisser li l-Gvern mhux qed jindirizza bis-serjetà l-għadd ta’ studenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom.

Il-PN qal li qabel l-2013, il-Partit Laburista kien tkellem ħafna dwar l-early school leavers biex jintuża bħala indikatur tal-progress fl-edukazzjoni.

Il-PN sostna li b’dan il-livell ta’ edukazzjoni, il-Maltin ma jinsabux f’pożizzjoni li jagħżlu l-aqwa xogħlijiet. Qal li l-Maltin qed jispiċċaw f’dik li sejjaħ bħala l-morsa tal-pagi baxxi jew cheap labour, li l-PN qal li ħoloq il-Gvern stess bil-politika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, minflok bil-produzzjoni.