Serb se jiġi deportat lura lejn pajjiżu wara li pprova jisraq xi affarijiet minn ħanut fil-Mellieħa biex ikollu x’jitma’ lill-għarusa tiegħu li hi tqila, u jkollu x’jiekol hu wkoll.

Ir-raġel ta’ 33 sena li hu residenti l-Mellieħa tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras dalgħodu, akkużat b’attentat ta’ serq. L-Ispettur Godwin Scerri mill-Prosekuzzjoni qal li r-raġel inqabad hu u ħiereġ mis-supermarket, iġorr affarijiet li ma ħallasx għalihom li jammontaw għal €267. Żied jgħid li l-akkużat mhuwiex irreġistrat f’Malta, u kien qed joqgħod f’Malta b’mod illegali għal dawn l-aħħar sentejn.

L-akkużat qal lill-pulizija li pprova jisraq dawn l-affarijiet minħabba li m’għandux xogħol u ma fadallux flus, u kellu bżonn imantni lilu u lill-għarusa tqila tiegħu.

Fl-awla dalgħodu l-akkużat wieġeb ħati. Il-Qorti wissietu li qed jaffaċċja sa 3 xhur fil-ħabs, u l-Prosekuzzjoni żiedet li mal-ewwel ċans li jkollha, hija tara li jintbagħat lura f’pajjiżu. Huwa sostna li hu ħati.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni ma insistitx fuq sentenza ta’ ħabs, għax qalet li l-akkużat radd lura l-affarijiet misruqa u kien ikkopera mal-Pulizija.

Il-Qorti kkundannat lir-raġel għal xahar ħabs, sospiż għal sena. Il-Maġistrat spjegat li minħabba li nstab ħati, huwa se jintbagħat lura s-Serbja.