Peress li llum jaħbat il-Jum Internazzjonali tal-Epilessija, Caritas Malta Epilepsy Association għadha kif nediet toolkit għall-epilessija bil-Malti u anke bl-Ingliż. Din il-ġurnata hija ċċelebrata mad-dinja kollha fit-tieni Tnejn ta’ Frar.  

It-toolkit inħoloq bl-iskop li jipprovdi informazzjoni bażika lill-pubbliku dwar l-epilessija u biex jgħin lil persuni b’epilessija jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-ktejjeb jikkomplimenta l-pariri u struzzjonijiet li jingħataw mill-professjonisti mediċi. Huwa se jintuża mis-CMEA biex jgħinha fl-attivitajiet u programmi ta’ taħriġ varji li jsiru għall-ġenituri, għal min iħaddem, pulizija, care workers, għalliema u l-bqija. 

L-iffinanzjar tat-toolkit ġie mill-proġett PEKTUR, skema ta’ fondi pprovduti mill-Kummissarju għal-Promozzjoni ta’ Persuni b’Diżabbiltà (CRPD). Frank Portelli, il-President ta’ CMEA ppreżenta kopji lil Oliver Scicluna, il-Kummissarju tas-CRPD.

Waqt il-preżentazzjoni, Portelli spjega kif l-epilessija hija waħda mill-kundizzjonijiet newroloġiċi l-iżjed komuni li tiġri meta jkun hemm elettriku eċċessiv fil-moħħ. Din il-kundizzjoni taffettwa madwar 1% tal-popolazzjoni fid-dinja u fil-Gżejjer Maltin hawn ’il fuq minn 4000 persuna li għandhom din il-kundizzjoni. 

Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil CMEA fuq maltaepilepsy@gmail.com