Il-Kummissjoni Elettorali avżat li qed tilqa’ applikazzjonijiet mingħand persuni eliġibbli sabiex iservu bħala Assistenti Kummissjonarji Elettorali, Uffiċjali tal-Post tal-Votazzjoni u persuni għall-għadd tal-voti fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali li se jsiru is-Sibt, 25 ta’ Mejju, 2019.

Il-Kummissjoni qalet li min japplika jrid ikun dispost li jattendi sessjonijiet ta’ struzzjonijiet mill-Kummissjoni Elettorali.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu mill-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar mit-18 sat-22 ta’ Frar bejn it-3.00 pm u t-8.00 pm u fit-23 ta’ Frar bejn it-8.00 am u s-1.00 pm. L-applikanti għandhom jippreżentaw il-karta tal-identità.

L-Għawdxin jistgħu japplikaw fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, f’dan l-indirizz: 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

Il-formoli tal-applikazzjonijiet, li huma dawk biss aċċettabbli, jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-voti fin-Naxxar fl-istess ġranet u ħinijiet jew mis-sit tal-Kummissjoni Elettorali.