Post ta’ żagħżugħ fuq Facebook li tratta l-piż finanzjarju biex jissellef biex jixtri post, illejla ġibdet l-attenzjoni tal-Membri Parlamentari.

Damjan Attard qal li żgħażagħ ta’ bejn il-25 u t-30 sena, b’impjieg full time, li għandom dħul ta’ bejn €1,000 u €1,400 fix-xahar, kif ukoll xogħol part time, qegħdin imorru l-bank għal-loan, u l-bank jagħtihom bejn €85,000 u €100,000, fi kliemu “jekk ikunu ffurtunati”. Stqarr li dan hu kważi biżżejjed biex tixtri garaxx.

Din il-post xtered fuq Facebook u ġie xxerjat xejn anqas minn 525 darba.

“Il-PM ġab lill-poplu tallab” – Marlene Farrugia

Waqt id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta miżuri tal-Estimi,  id-deputat Marlene Farrugia qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat ġab il-poplu tallab. Hija qalet li ntilef ir-rispett lejn professjonijiet bħal tal-għalliema u lejn il-ħaddiem b’mod ġenerali, fejn lanqas biss fadallu s-sostenn ta’ unjin. Farrugia staqsiet fejn qatt kont tisma’ bil-General Workers’ Union tidħol sħab mal-Gvern biex taqla’ l-flus minn fuq il-ħaddiema.

Hija qalet li l-Parlament sar il-qabar tad-demokrazija “bil-Gvern ta’ Joseph Muscat jilqa’ l-kritika billi jgħid li l-Oppożizzjoni meta kienet fil-Gvern għamlet agħar”. Stqarret li l-Gvern qed ibigħ lill-pajjiż f’ħafna kuntratti oxxeni u li l-flus marru fuq l-irjus minflok intefqu għall-ġid tan-nies.

“Jeċita ruħu biss meta jisma’ li hawn min irid jonfoq €5,000 kuljum” – Jason Azzopardi

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru jeċita ruħu biss meta jisma’ li hawn min irid jonfoq €5,000 kuljum, iżda ftit jagħti każ karba bħal dik ta’ Damjan Attard. Huwa qal li ma’ min ma jiflaħx iħallas, Joseph Muscat ma jurix kuxjenza “għax qed iwettaq politika kapitalista”.

Azzopardi qal li anki min għandu xogħol bħal Damjan Attard ma jiflaħx jikri post.  Id-deputat Nazzjonalista argumenta li dan sar pajjiż li fih ma tistax tgħix.

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder ukoll għamel referenza għall-istqarrija li għamel Attard.