Iben il-ġurnalista assassinata, Matthew Caruana Galizia qal li l-Forzi tas-Sigurtà f’Malta għamluha diffiċli għall-Maġistrat li qed jinvestiga l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Huwa qal li kien hemm diversi aġenziji tal-Istat kif ukoll kumpaniji privati.

Caruana Galizia deher quddiem il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew magħruf bħala Tax3, li jaħdem fil-qasam ta’ reati finanzjarji, l-evitar tat-taxxa, u l-evażjoni tat-taxxa. Dehru wkoll il-ġurnalist ta’ Reuters, Stephen Grey li flimkien ma’ Jacob Borg tat-Times of Malta żvelaw li 17 Black hi ta’ wieħed mid-diretturi tal-Electrogas.

Caruana Galizia kien qed iwieġeb mistoqsija mill-Ewroparlamentari Ġermaniż Sven Giegold. Fejn talbu jikkonferma jekk iltaqax ma diffikultà. Waqt l-introduzzjoni tiegħu Caruana Galizia tkellem fuq il-ħidma tiegħu kif ukoll dwar kif Daphne kienet irċiviet l-informazzjoni dwar Electrogas mingħand whistleblower. Saħaq li sakemm sfat assassinata hi kienet diġà qed tippubblika stejjer minn dik l-informazzjoni.

Caruana Galizia saħaq dwar il-bżonn li jitwaqqaf Joint Investigation Team biex jiġu investigati l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.

Minn naħa tiegħu l-ġurnalist Grey, saħaq li żewġ affarijiet li l-investigazzjoni ta’ The Daphne Project uriet kien li s-sistema Maltija kienet dgħajfa u semma’ l-każ tal-Bank Pilatus. Saħaq li iżda fuq kollox jidher li hemm falliment meta pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma jkunx jista’ jinvestiga allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fi Stat Membru.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici wkoll deher quddiem il-kumitat qabel Caruana Galizia u Grey. Fl-intervent tiegħu Bonnici qal li Malta qed tiġi akkużata li hi indifferenti f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus u saħaq li dan mhux il-każ. Huwa saħaq li l-baġit għall-investigazzjonijiet dwar reati finanzjarji sar erba’ darbiet iktar u spjega li waħda mill-problemi hi li jsibu l-esperti fil-qasam biex jaħdmu full-time. Il-Ministru qal li r-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi mal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus (FIAU) żdiedu minn 202 fl-2014 għal 1679 fl-2018. Saħaq li 45 rapport intbgħatu lill-Pulizija fl-2018 meta kkumparat mas-27 rapport fl-2014.

Bonnici saħaq li mill-investigazzjonijiet li rriżultaw wara Swiss Leaks inġabru €12.5 miljun f’taxxa. Kompla jispjega li d-Direttorat għall-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet jagħmel bejn 700 – 1400 investigazzjoni fis-sena. Saħaq li l-każijiet kollha li ħarġu mill-Panama Papers li b’kollox jammontaw għal 237 huma suġġetti għall-investigazzjoni għat-taxxa.

LIVE BLOG:

21:11 L-Ewroparlamentari Jezek u ċ-Ċer tal-Kumitat irringrazzja lil Caruana Galizia u lil Grey, b’hekk jintemm is-smigħ.

21:05 L-MEP f’isem tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech staqsa għar-reazzjoni dwar ir-rapport tal-inkjesta Egrant u saqsa wkoll dwar meta wieħed jitlob il-Qorti biex tinvestiga.

Caruana Galizia jisħaq lill-familja trid ġustizzja għall-assassinju ta’ Daphne u ġustizzja għall-investigazzjonijiet li kienu qed isiru minn Daphne Caruana Galizia. Matthew saħaq li dak li jrid jiġi evitat li persuna tkun fil-poter u tagħmel it-terminu sħiħ umbgħad tmur f’ġurisdizzjoni oħra bħala ġara fl-Eġġittu u jaħarbu mill-ġustizzja.

21:03 L-MEP Gomes tgħid li hemm bżonn jinsistu fuq it-twaqqif ta’ JIT (Joint Investigation Team).

20:57 L-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola saqsiet x’jista’ jkun qed isir f’termini ta’ mandat. Caruana Galizia saħaq li l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti għandhom iwasslu għar-riperkussjonijiet. Spjega li wara li ġew ippubblikati The Panama Papers ħaseb li Mizzi u Schembri kienu se jiġu investigati, iżda l-fatti juru l-kontra kompla Caruana Galizia.

20:47 L-Ewroparlamentari Ġermaniż Giegold saqsa dwar jekk il-ġurnalisti Maltin iħosshomx mhedda, pereżempju permezz ta’ każijiet fil-qorti magħrufa bħala SLAPP. Staqsa ukoll dwar l-igaming. Saqsa jekk jikkonfermax li l-maġistrat inkwierenti sabx problemi biex iġib l-informazzjoni mill-forzi tas-sigurtà ta’ Malta. B’Matthew iwieġeb li iva jikkonferma li l-maġistrat inkwierenti sab diffikultà biex jingħata informazzjoni mill-forzi tas-sigurtà ta’ Malta kif ukoll minn kumpaniji privati.

Caruana Galizia jispjega kif titħaddem il-liġi tal-libell, bil-ġurnalist jisħaq li dawn isiru biex jikkastigaw lill-ġurnalisti. Spjega li l-libelli l-persuna mressqa trid tipprova l-kontra.

Grey jgħid li hemm diversi allegazzjonijiet għaddejjin, iżda The Daphne Project qed jaħdem biex jinvestiga b’mod oġġettiv. Il-ġurnalist ikompli jgħid li l-istejjer tagħha ma ġewx investigati. Rigward l-igaming qal li l-mafja jidher kienet “kuntenta” tuża l-kumpaniji f’Malta u rrefera għal diversi investigazzjonijiet kriminali li saru mill-awtoritajiet Taljani.

20:41 Il-ġurnalist Caruana Galizia jirrispondi mistoqsija ta’ Ewroparlamentari dwar is-sorsi, qal li persuni jmorru għand il-ġurnalisti bħala l-aħħar ħaġa li jistgħu jagħmlu. Spjega li bħala ġurnalist ftit li xejn li jistgħu jagħmlu apparti li jippubblikaw l-istorja.

Caruana Galizia jisħaq li huma qed issejħu għal tim konġunt ta’ investigazzjoni għax hemm bżonnu u huwa permess bil-liġi eżistenti.

20:31 Il-Kap ta’ delegazzjoni u l-MEP PN David Casa jgħid li l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma investigawx. Casa jispjega li minkejja ngħata rapport tal-FIAU li kien jgħid lil Konrad Mizzi għandu jiġi investigat. Huwa spjega li mar il-Qorti biex issir inkjesta. Casa saħaq li l-Qrati Maltin “għalaq l-bibien”. Qal li issa llum Bonnici qal li hemm investigazzjoni dwar 17 Black.

Grey jgħid li se jżomm il-kummenti limitati biss għal 17 Black. Jgħid li meta staqsew lil Prim Ministru dwar 17 Black, Muscat kien qal li hemm inkjesta. Jidher li mhux ċar x’inhu għaddej, Grey kompla jgħid.

“Ma rajna l-ebda evidenza tal-inkjesta”

Sa meta ċċekkjana l-aħħar ma saret l-ebda talba minn Malta lil-Latvija jew l-UAE biex tingħata l-informazzjoni. – Grey.

20:06 Il-ġurnalist Stephen Grey u l-ġurnalist Matthew Caruana Galizia jidħlu għal-laqgħa. Grey bl-introduzzjoni tiegħu, jgħid li ilu ġurnalist għall-aħħar 30 sena u qiegħed hemm bħala ġurnalist parti minn The Daphne Project. Huwa sostna li jaħdem biex ikun oġġettiv ħieles mill-partiġjaniżmu.

Grey qal li fl-investigazzjonijiet tagħhom deher li l-kontrolli f’Malta huma dgħajfa u semma’ l-każ tal-Pilatus Bank bħala eżempju. Kompla jgħid kif infetħu kontijiet għal Schembri fost oħrajn. Jgħid li The Daphne Project, il-bank Pilatus kellu kontijiet għall-kumpaniji jew persuni fl-Ażerbajġan.

Grey tkellem dwar Yorgen Fenech d-direttur u shareholder fil-konsorzju tal-Electrogas u s-sid tal-kumpanija 17 Black. Huwa saħaq li dik kienet it-tieni l-ikbar investigazzjoni ta’ The Daphne Project. Qal ukoll li Fenech ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina iżda ma sfidax dak li kien irrappurtat.

Kompla jgħid li żewġ każijiet juru falliment tal-istituzzjonijiet biex jinvestigaw ħasil ta’ flus, iżda wkoll juru li pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea ma jistax jaqbad u jinvestiga ħasil ta’ flus fi Stat Membru ieħor u jidher li dan biss tista’ tagħmlu l-Amerika.

Fl-introduzzjoni tiegħu Matthew Caruana Galizia jispjega x-xogħol li kien jagħmel għall-ICIJ għall-ħames snin. Huwa jgħid li rċieva taħriġ speċjalizzat dwar l-informazzjoni li kien qed jirċievi.

Caruana Galizia qal li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hi kienet qed taħdem fuq investigazzjoni ġurnalistika fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Allan Schembri, Brian Tonna u Karl Cini fost oħrajn.

Caruana Galizia beda mill-2013 jispjega l-pjan wara l-Electrogas, kif intagħżel, kif kien magħmul bord tal-għażla li kien imexxi lil Brian Tonna. Kompla jispjega kif l-Electrogas tixtri l-gass mis-Socar. Spjega kif is-Socar permezz ta’ kumpanija fl-Isvizzera għandha sehem f’Electrogas. Saħaq li l-kumpanija tal-Ażerbajġan tieħu $40 miljun ma’ kull tranżazzjoni u  ma tagħmel xejn. Caruana Galizia spjega kif il-gass li tuża Malta jiġi minn Trinidad u Tobago mir-Royal Dutch Shell.

Jgħid li fl-2017 huwa beda jgħin lill-ommu bħala tekniku meta whistleblower mill-Electrogas ried jgħaddi l-informazzjoni lil Caruana Galizia. Huwa sostna li kien ikellem il-whistleblower  tramite ta’ Daphne. Huwa spjega li fis-6 xhur qabel ma ġiet assassinata kienet ippubblikat artikli minn dik l-informazzjoni li rċiviet.

Jannar ta’ 2013 Karl Cini beda jikkorrispondi mal-Mossack Fonesca biex jixtri l-kumpaniji fil-Panama. Huwa kien mar il-Panama biex jiftaħ franchise tal-Mossack Fonesca f’Malta. Matthew Caruana Galizia kompla jispjega dwar il-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama li kellhom jirċievu flus minn kumpaniji ibbażati mill-UAE, 17 Black u MacBridge li kellhom ikollhom negozju ta’ riċiklaġġ u kellhom jirċievu flus miċ-Ċina, mill-Indja fost oħrajn.

Caruana Galizia saħaq li hemm bżonn ta’ investigazzjoni konġunta mill-Europol dwar l-Ażerbajġan u l-ħasil ta’ flus kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha.

19:58 Il-Ministru Bonnici saħaq li huwa jifhem li mhux kollox huwa perfett, u qal li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet. Huwa kien mistoqsi dwar jekk hux mħasseb dwar dak li qed jiġri Malta.

19:44 L-Ewroparlamentari Taljan Mario Borghese saqsa dwar il-kumpaniji tal-gaming Taljani b’rabtiet mal-mafja. B’Bonnici jwieġeb li żdiedet il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Italja filwaqt li sostna li m’hemm l-ebda kumpanija Taljana rreġistrata f’Malta li taħdem fil-qasam tal-gaming.

Ewroparlamentari ieħor ikkwota lid-direttur ta’ Henley & Partners jgħid li jekk għandek żewġ jottijiet u ajruplan mela kull ma jonqsok huma passaport Malti. Huwa saqsa lil Bonnici dwar l-iskema, liema hi l-iktar popolari, x’jiġri jekk l-Unjoni Ewropea twaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-residenza, kif issiru l-kontrolli mill-awtoritajiet Maltin qabel ma jbiegħhu l-passaport.

Bonnici beda billi qal li huwa ma għandu l-ebda relazzjoni mal-Henley & Partners, il-kumpanija wara l-bejgħ taċ-ċittadinanza. Qal ukoll li huwa kien Ministru għall-Immigrazzjoni għal sena biss. Bonnici saħaq li Malta għandha rata għolja ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati. Bonnici kien mistoqsi wkoll fuq ir-Russu b’passaport Malti li nqabad fil-Filandja, u saħaq li l-persuna qed tiġi mmoniterata.

Huwa jwieġeb il-mistoqsijiet dwar kif kieku tiġi affettwata Malta jekk titwaqqaf l-iskema, spjega li s-surplus huwa kkalkulata apparti mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Kompla jispjega kif il-flus mill-passaporti jmorru f’fond speċjali li jintużaw għall-affarijiet oħra.

19:35: L-Ewroparlamentari Sven Giegold issaqsi lil Bonnici kif iħossu dwar l-investigazzjonijiet dwar Schembri u Mizzi għadhom ma spiċċawx, kif ukoll dwar is-17 Black. Bonnici qal li hu ma jkunx jaf id-dettalji kollha tal-investigazzjonijiet. Huwa sostna li hemm proċess għaddej fuq 17 Black u ma jafx iktar milli dak li hemm magħruf mill-pubbliku. Bonnici saħaq li skont l-inkjesti li ġew konklużi deher li m’hemm xejn.

S’issa l-inkjesta dwar Egrant tlestiet, filwaqt li inkjesta oħra ma bdietx hekk kif l-Imħallef kien biddel deċiżjoni tal-Maġistrat Farrugia.

Giegold jgħid li Mizzi kien qal lid-delegazzjoni li huwa fetaħ it-Trust f’New Zealand minħabba raġunijiet familjari, filwaqt wara kien ħareġ li huwa kien waqqaf il-kumpaniji minħabba riċiklaġġ fost affarijiet oħra. Huwa saqsa lil Bonnici kif iħossu li Mizzi gideb lid-delegazzjoni u li wara rrifjuta li jiltaqa’ mad-delegazzjoni.

Bonnici wieġeb li kien ħareġ digriet mill-Qorti li jgħid li l-inkjesta mhix se ssir.

19:27 Il-Ministru Bonnici sostna li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja huwa dwar liġijiet li l-Gvern wiret mingħand amministrazzjonijiet qablu. Dwar l-investigazzjoni tal-assassinju Bonnici sostna li kienu ġew arrestati tliet persuni b’rabta mal-każ. Fuq in-nuqqas tal-libertà tal-espressjoni, Bonnici qal li jekk il-persuni li jixtiequ jfakkru l-memorja tal-ġurnalista jistgħu jagħmlu dan billi japplikaw għall-permess tal-monument. Huwa kompla jsostni li l-inkjesta ta’ Egrant uriet li l-evidenza kienet “iffabbrikata” u li l-Qorti sabet li ma kienx hemm bażi legali biex Schembri u Mizzi jiġu investigati.

19:24 L-Ewroparlamentari Soċjalista Portugiża Ana Gomes tgħid li l-Opinjoni Legali tal-Kummissjoni ta’ Venezja hi pjuttost kritika ta’ Malta. Hi saqsiet lil Bonnici għalfejn l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għadhom fil-pożizzjoni tagħhom minkejja li nqabdu b’kumpaniji fil-Panama. Gomes kompliet issaqsi dwar l-investigazzjoni publika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Semmiet ukoll l-każ ta’ Satabank, in-nuqqas tal-libertà tal-espressjoni, u Pilatus Bank.

19:05 Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qed jidher quddiem il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew magħruf bħala Tax3. Il-kumitat li jaħdem fil-qasam ta’ reati finanzjarji, evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa. 

Il-Ministru Bonnici qal li l-impressjoni li tingħata li l-evitar tat-taxxa ma jiġux investigati minn Malta mhux minnha, b’Bonnici jgħid li dawk li nkixxfu fis-Swiss Leaks kienu investigati. Kompla jgħid li 237 kumpanija li ġew żvelati fil-Panama Papers ukoll huma suġġetti għall-investigazzjoni dwar evitar tat-taxxa.

AQRA: 17 Black: “Dak li suppost qed tagħmel Malta qed jagħmluh l-Ewropej”


Il-Kumitat huwa mmexxi mill-Ewroparlamenti Ċek Petr Jezek u fuqu hemm il-Kap tad-Delegazzjoni u l-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa.

Wara l-Ministru Bonnici mistennija jidhru l-ġurnalist tar-Reuters Stephen Grey u l-ġurnalist Matthew Caruana Galizia. Grey f’isem Reuters ħadem mal-ġurnalist Jacob Borg tat-Times of Malta fuq l-investigazzjoni dwar 17 Black, il-kumpanija li hi bbażata f’Dubaj u li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech li hu direttur tal-Electrogas.