Mara ntlaqtet mill-karozza tagħha stess wara li nesiet ittella’ l-handbrake meta pparkjat fin-Naxxar, u aktar tard irriżulta li qed issofri minn ġrieħi gravi f’saqajha.

Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ fid-9.15am, fejn jidher li mara li kienet għadha kemm ipparkjat il-karozza tagħha f’Tul il-Kosta fin-Naxxar, ma tellgħetx il-handbrake. Peress li l-karozza kienet ipparkjata f’niżla, hija ntlaqtet mill-karozza tagħha stess malli ħarġet minn ġo fiha.

Il-mara għandha 32 sena u toqgħod in-Nadur.

Fuq il-post marret ambulanza li ħadet lill-mara l-isptar, u hija ġiet iċċertifikata li tinsab f’qagħda gravi.