L-Ewropa tagħraf l-importanza tal-Libertà Reliġjuża

Iċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-Libertà Reliġjuża tal-Konferenza Episkopali Amerikani appella lill-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat Amerikan biex waqt is-smiegħ tal-kandidati li jkunu nominati għall-ġudikatura ma jagħmilx mistoqsijiet marbuta mar-reliġjon tal-kandidati.

L-Arċisqof Joseph Kurtz qal li dawn it-tip ta’ domandi “jammontaw għal test tar-reliġjon” għal dawk li se jsiru Mħallfin. Dan imur kontra l-Kostituzzjoni Amerikana u kien hemm kandidati Kattoliċi nominati għal dawn il-ħatriet li kienu diskriminati minħabba r-reliġjon li jħaddnu. Hu qal li membri tal-Kumitat Ġudizzjarju urew intolleranza reliġjuża waqt seduti li saru riċentement.

L-Arċisqof qal li “d’dawn l-aħħar xhur kien hemm numru ta’ persuni nominati għall-ġudikatura li kienu nterrogati  dwar is-sħubija tagħhom man-Knights ta’ Columbus – l-akbar organiżazzjoni Kattolika fl-Amerika – organiżazzjoni rispettata li għamlet ħafna ġid fil-pajjiż, u l-membri tal-Kumitat Ġudizzjarju implikaw li din is-sħubija tista’ tiskwalifikahom mill-kariga. Hu assolutament kundanabbli li xi ħadd jiddieħek b’din l-organiżazzjoni.”

Diskriminazzjoni reliġjuża

Brian Buescher, Kattoliku li kien nominat għall-ġudikatura mill-President Donald Trump kellu jiffaċċja ħafna mistoqsijiet żbilanċjati waqt is-smiegħu. Fil-fatt waħda mill-membri tal-Kumitat Ġudizzjarju, waqt is-smiegħ ta’ dan il-kandidat kattoliku esprimiet tħassib għall-fatt li dan hu membru tan-Knights ta Columbus għax din l-orġaniżazzjoni topponi l-abort u ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Din ikkritikat lill-Kavallieri għax huma soċjetà ta’ rġiel biss u rġiel Kattoliċi.

Membru ieħor tal-Kumitat Ġudizzjarju qal li “l-organiżazzjoni ħadet numru ta’ pożizzjonijiet estremi u staqsa lil Buescher: “Jekk tkun konfermat għall-kariga fi ħsiebek titlaq minn Knights ta’ Columbus biex ma tkunx tidher li int ixxaqleb lejn naħa waħda?”

Billi bħalissa hemm skedati numru ta’ seduti ta’ smiegħa għall-kandidati għall-Ġudikatura, l-Arċisqof Kurtz, talab lill-Kumitat Ġudizzjarju biex “jwarrab kull attentat li jipprova jagħmel test tar-reliġjon lill-kandidati. Il-Kumitat u kull Senatur hu obbligat li jagħmel dan”.

Imġieba anti-kostituzzjonali

Hu enfasizza li t-tħassib tiegħu għal dawn it-testijiet tar-reliġjon mhux biss dwar kandidati Kattoliċi. “Storikament Lhud, Musulmani u Kattoliċi kellhom jiffaċċjaw diksrikiminazzjoni u kultant anke persekuzzjoni meta ppruvaw jaqdu uffiċċju pubbliku. Mhux biss dawn it-testijiet tar-reliġjon imorru kontra l-Kostituzzjoni u nġusti, imma huma wkoll attakk fuq in-nies kollha li jemmnu, hi x’inhi l-fidi tagħhom u anke fuq dawk li ma hemmnux”.

“Dan it-tip ta’ testijiet tar-reliġjon jgħidu mhux biss lill-Kattoliċi imma lill-Amerikani kollha li ma jistgħux iservu lil pajjiżhom u jgħixu l-konvinzjonijiet tal-kuxjenza tagħhom, fl-istess ħin, qal l-Arċisqof fl-ittra tiegħu.

Dan il-pajjiż pluralistiku hu polariżżat ħafna bħalissa. “Li timponi test fuq kandidati nominati għall-ġudikatura ikompli jkabbar il-firda fil-pajjiż u joħloq il-mibegħda. It-test reliġjuż qed jgħid: Int mhux postok hawn. Int m’intix Amerika veru.”

L-Arċisqof Kurtz temm l-ittra tiegħu billi qal li “Senaturi messhom jaħdmu biex jgħaddu lill-pajjiżna minn dan iż-żmien diffiċli u mhux ikabbru l-mewġ. Nitlobkom: waqqfu dawn il-mistoqsijiet diskriminatorji u tkomplux timponu eżamijiet reliġjużi fuq il-kandidati nominati għall-ġudikatura.”