Id-deputat Nazzjonalista Għawdxi David Stellini qal li “qabel ma niddeċiedu jekk għandux isir referendum jew le” dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, “għandu jkollna l-istudji li jgħinuna naslu għal opinjoni infurmata”.

Huwa qal dan ma’ Newsbook.com.mt fejn qal ukoll li jixtieq jara l-istudji dwar il-vijabbilta ta’ mina b’sistema ta’ metro. Huwa għalhekk ma weġibx għall-mistoqsija dwar jekk jaqbilx li għandha ssir mina bejn Malta u Għawdex.

Intant, fil-programm Follow-Up fuq RTK, il-Ministru Justyne Caruana marret totalment kontra dak li qed jgħidu Stellini meta qalet li l-poltiċi jkunu qed jidħqu bin-nies jekk imorru lura biex jaraw jekk il-proġett hux se jsir jew le. Saħqet li l-proġett tal-mina kienet ġiet proposta fil-manifesti elettorali tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali u għaldaqstant qalet li hawn “kunsens ġenerali”.

Filmat: “Tard wisq biex immorru lura mill-proġett tal-mina” – il-Ministru Caruana

Herrera jqabbel il-mina mal-land reclamation

Luke Zerafa

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li m’għandu l-ebda problema bit-tħaffir ta’ mina bejn Malta u Għawdex sakemm l-assessjar ambjentali jsir kif suppost.

Qal li jidher li l-Għawdxin qed ibatu minn sfidi ekonomiċi minħabba l-insularità doppja u qal ukoll li “diġà esprimew ix-xewqa tagħhom favur proġett bħal dan”.

Il-Ministru Herrera intant xebbaħ din il-kontroversja mat-teħid ta’ art mill-baħar (land reclamation). Huwa fisser kif f’Malta, “ħafna nies jibżgħu mill-bidla minħabba sens ta’ nostalġija”.

Semma kif skont hu, għadu ma ngħatax ċans jispjega l-viċjoni tiegħu għal-land reclamation f’Malta iżda qal li diġà hemm il-kritika.

Stqarr kif “illum jew għada dan se jkollu jsir”.