This slideshow requires JavaScript.

F’laqgħa li kellu mal-uffiċjali tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT fid-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddiskuta diversi temi li jolqtu lill-edukaturi fosthom is-sigurtà fl-iskejjel.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-miżuri li qed tipproni l-MUT sabiex titjieb is-sigurtà fl-iskejjel. Huwa tkellem mal-MUT dwar il-fatturi li qed iwasslu biex ikun hemm livell għoli ta’ skuntentizza fost l-għalliema u l-edukaturi u dwar il-fatt li inqas u inqas żgħażagħ qed jitħajru jsiru edukaturi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà, aktar u aktar l-għalliema u l-edukaturi li jistħoqqilhom l-akbar rikonoxximent.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi oħra fosthom in-nuqqas ta’ ippjanar fis-sistema edukattiva u l-ħtieġa li l-għalliema jkunu aktar stmati u rikonoxxuti għall-kontribut li jagħtu lis-soċjetà.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista ntqal li ġie diskuss ukoll kif pajjiżna qiegħed jesperjenza rata kbira tat-tkabbir fil-popolazzjoni, b’riżultat dirett tal-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni.

Adrian Delia kien akkumpanjat minn diversi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li d-delegazzjoni tal-MUT kienet immexxija mill-President Marco Bonnici.