L-għaqda Ġermaniża Sea Watch li taħdem fil-qasam ta’ tfittxija u salvataġġ qed tfittex il-Gvern għad-danni wara li ngħatatx il-permess biex il-bastiment isalpa u damet tistenna kważi erba’ xhur. L-għaqda fetħet rikors kostituzzjonali kontra l-Ministru għat-Trasport, l-Awtorità għat-Trasport, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru għat-Trasport u l-Avukat Ġenerali.

Fir-rikors iffirmat mill-avukat Cedric Mifsud f’isem l-għaqda qal li l-Awtorità għat-Trasport kienet qed tassisti lill-Gvern fil-ħidma tiegħu biex iwaqqaf bastimenti tal-għaqdiet ta’ tfittxija u salvataġġ ċivili. L-aġġir ġie deskritt bħala “illegali” u “abbużiv”. Dan għaliex minkejja li l-bastiment Sea Watch 3 kien waqaf Malta diversi drabi, huwa ma tħalliex isalpa biss wara li qam il-każ tal-MV Lifeline u MV Seefuchs. Dawn tal-aħħar għandhom reġistrazzjoni differenti minn ta’ Sea-Watch 3. Fir-rikors ġie argumentat ukoll li l-bastiment inżamm maqbud f’Malta sakemm spiċċa l-istaġun meta jaqsmu l-immigranti mil-Libja għall-Ewropa.

Newsbook.com.mt kien saqsa lill-Awtorità għat-Trasport liema huma l-liġijiet li kienu qed jinkissru mill-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi f’Lulju li għadda. Iżda kelliem għall-Awtorità ma kien speċifika l-ebda liġi. 

Fl-applikazzjoni kostituzzjonali li saret mill-għaqda ntalab kumpens talli l-bastiment inżamm mingħajr bażi legali u talli l-Awtorità għat-Trasport naqset milli toħroġ deċiżjoni formali. L-għaqda qed issostni li d-drittijiet tagħha kienu miksura hekk kif din ma tħallietx tagħmel użu mill-propjetà tagħha minkejja li kienet konformi mal-liġijiet u regolamenti marittimi kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

L-għaqda twaqfet fl-2015 bl-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-baħar Mediterran. L-operazzjonijiet tat-tfittxija u salvataġġ fil-baħar l-ewwel ma bdew isiru b’vapur ta’ 18-il metru bl-isem ta’ Sea-Watch 1. Fl-2016 ġie intużat il-bastiment Sea-Watch 2 filwaqt fl-2017 beda jintuża l-bastiment Sea-Watch 3. 

Il-bastiment li daħal Malta diversi drabi, kien isalpa mill-port ta’ Malta direzzjoni lejn il-Libja iżda kien dejjem jibqa’ f’ibħra internazzjonali, bl-ekwipaġġ jagħmlu moniteraġġ tal-immigranti li jsibu ruħhom f’diffikultà. Ġie spjegat ukoll kif meta kienu jintlemħu nies f’diffikultà kien isir kuntatt mal-Awtoritajiet Taljani umbgħad mal-Awtoritajiet Maltin u l-Olandiżi. 

Fis-16 ta’ Ġunju 2018 Sea-Watch 3 daħal Malta minħabba xi xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Meta talab il-permess biex joħroġ mill-Port, dan ma tħalliex u kien biss fit-22 ta’ Ottubru li tħalla jitlaq mill-Port. L-aġent tal-bastiment talab biex fit-30 ta’ Ġunju il-bastiment jitħalla jsalpa, iżda l-għada tat-talba, l-Awtorità tat-Trasport qalet lill-għaqda li kienu qed isiru xi verifiki qabel ma jinħareġ il-permess biex il-bastiment ikun jista’ jsalpa. Fit-13 ta’ Lulju 2018 l-Awtorità qalet li kienet qed tistenna konferma mill-Awtoritajiet Olandiżi. Fis-6 ta’ Lulju iżda żewġ uffiċjali mill-Awtorità Olandiża kienet Malta fejn għamlet spezzjoni fuq il-bastiment u sabet li kien irreġistrat u kellhu assigurazzjoni valida sas-7 ta’ Lulju 2019.

Lejn l-aħħar ta’ Awwissu l-Awtorità għat-Trasport kienet infurmat lil Sea Watch li kienet lesta tagħti l-permess meħtieġ biex isalpa, iżda dan inbidel fl-aħħar mumenti qabel ma bdew il-preparamenti. Kien biss fit-22 ta’ Ottubru, kważi erba’ xhur wara li saret it-talba li Sea Watch ingħatat il-permess meħtieġ biex isalpa.

Ir-rikors kostituzzjonali ġie ffirmat mill-avukat Cedric Mifsud u Catherine Mifsud.