Google Maps

Diversi nies xehdu l-Qorti llum dwar l-aggressjoni ta’ ziju u missier ta’ student fl-Iskola Santa Klara f’Pembroke, li wasslet biex weġġgħu żewġ edukaturi u student. Fost ix-xhieda, ingħad li z-ziju akkużat b’aggressjoni ma setax jikkalma, u wera tendenzi razzjali fil-konfront tal-istudent vittma tal-aggressjoni li huwa Għarbi.

Ġlieda fl-iskola sekondarja ta’ Pembroke; edukaturi midruba

Il-każ ġara fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Klara f’Pembroke nhar it-Tnejn li għadda. Il-missier u z-ziju ta’ student qegħdin jiġu akkużati li weġġgħu lil 2 edukaturi u lil żagħżugħ ta’ 15-il sena.

Suldat u ħuh jinżammu arrestati talli weġġgħu tifel fi skola f’Pembroke

Il-vittma, li huwa Għarbi, ġie mwissi mill-Maġistrat Ian Farrugia sabiex jikseb għajnuna legali qabel ma jixhed, minħabba li x’aktarx hu wkoll jitressaq il-Qorti dwar l-allegat ibbuljar tiegħu lit-tifel tal-akkużat. Għalhekk, huwa għandu jixhed aktar tard fil-każ.

“X’nikkalma, nikkalma… nobgħodhom l-Għarab”

Xehdu numru ta’ uffiċjali fl-iskola biex jirrakkontaw x’ġara dakinhar. Waħda mill-Assistenti Kapijiet tal-iskola qalet li semgħet xi għajat barra l-uffiċċju tagħha. F’daqqa waħda, il-bieb infetaħ u daħlu numru ta’ nies fl-uffiċċju tagħha, fosthom iż-żewġ akkużati.

Hija qalet li rat liz-ziju tal-akkużat, li huwa suldat, b’idu mdawra madwar għonq student, hu u jtih id-daqqiet ta’ ponn bl-id l-oħra, u jgħidlu li lin-neputi tiegħu ma jmissux. Intebħet li kien student mill-uniformi oranġjo li kien liebes.

Hekk kif l-Assistent Kap resqet lejhom biex tferraq il-ġlieda, ir-raġel qabad puncher u xejjirha b’idu, u spiċċa laqat lil LSE raġel li kien qiegħed warajh. Imbagħad ir-raġel refagħha u waqqagħha mal-art. Hi reġgħet qamet bilwieqfa, tipprova tikkalma lir-raġel irrabjat, iżda ma rnexxilhiex.

“X’nikkalma, nikkalma,” beda jgħidilha r-raġel. Qal li jistgħu jsejħulu razzist kemm iridu, imma hu jobgħodhom lill-Għarab. Sadattant, ħu l-aggressur, jiġifieri missier it-tifel li allegatament spiċċa vittma tal-ibbuljar taż-żagħżugħ Għarbi, ħareġ lil ibnu ta’ 13-il sena mill-kamra.

L-Assistent Kap tal-iskola qalet li kellha għadma miksura fin-naħa t’isfel tal-ispina ta’ daharha u gundalla f’rasha, kif wera l-eżami mediku tal-isptar.

Min aġixxa l-ewwel?

Il-learning support educator li ntlaqat mill-puncher irrakkonta kif hu kien ra liż-żewġ irġiel deħlin fl-iskola ħdejn it-taraġ ewlieni. Meta staqsiehom x’kien ġara, huma qalulu li t-tifel tagħhom kien ġralu xi ħaġa. Għalhekk, kien l-LSE stess li qalilhom biex imorru fl-uffiċċju tal-Assistent Kap tal-Iskola.

Huwa rrakkonta kif sema’ l-għajat ġej minn uffiċċju minnhom u ra lil student u lill-Assistent Kap mal-art. Malli avviċinahom biex jipprova jieħu l-puncher minn id ir-raġel, huwa ntlaqat f’rasu, u ma setax jiftakar x’ġara wara għax kien ixxukkjat. B’din id-daqqa, huwa nesa x’ġara wara, u kellu wġigħ ta’ ras tul il-kumplament tal-ġimgħa tant li ma reġax mar l-iskola l-ġimgħa li għaddiet.

Fil-kontroeżami mmexxi mill-avukat tad-difiża Franco Debono, l-LSE qal li hu kien ra liż-żagħżugħ Għarbi jgħid xi ħaġa liż-żewġ irġiel barra l-uffiċċju tas-segretarja. Kien għamel ukoll mossa bħallikieku kien se jneħħi l-ġakketta.

Debono staqsa lil-LSE jekk iż-żagħżugħ kienx se jattakka lill-missier inkwistjoni. L-LSE qal li jista’ jkun li dan kien il-każ, li hekk deher milli ra hu, iżda ma bdewx jiġġieldu. Huwa qal ukoll li d-daqqa li laqqat bil-puncher ma kinitx intenzjonata.

Il-ġlieda ta’ qabel

Assistent Kap tal-iskola ieħor spjega kif xħin kienu kważi saru l-11am, huwa kien ġie avviċinat minn għalliema tal-Health and Safety li infurmatu li kien hemm żewġ studenti li ġġieldu.

Wieħed minnhom, ta’ 13-il sena, kien qed jingħata trattament mediku wara li qala’ daqqa ta’ ponn f’wiċċu minn student ikbar, li x-xhud imbagħad ħarġu minn lezzjoni tal-Fiżika, u ħadu fl-uffiċċju tas-segretarja biex jistenna lil ommu tasal wara li qalulha bil-ġlieda.

Il-vittma tal-ġlieda wkoll kien preżenti, qal ix-xhud, u f’daqqa u l-ħin avviċinawh iż-żewġ akkużati jistaqsuh x’ġara u min kien refa’ idu fuqu.

Minkejja li l-uffiċjali tal-iskola ppruvaw iferrqu lill-irġiel minn maż-żagħżugħ, l-irġiel inħakmu mir-rabja hekk kif iż-żagħżugħ Għarbi għamel mossa donnu kien se jneħħi l-ġakketta. L-Assistent Kap qal li ż-żagħżugħ ma deherx imbeżża’.

Kien f’dan il-mument li z-ziju tal-allegat vittma ħebb għaż-żagħżugħ, dawwar idu m’għonqu, u t-tnejn li huma spiċċaw mal-art, filwaqt li ħu l-aggressur ipprova jikkalmahom.

Eventwalment, l-impjegati tal-iskola rnexxielhom jieħdu liż-żagħżugħ f’kamra oħra, ‘il bogħod mill-aggressuri.

Razziżmu fl-iskejjel

L-Assistent Kap ikkummenta li l-iskejjel bħalissa għaddejjin minn żmien ta’ kwistjonijiet razzjali, fejn studenti tal-istess nazzjonalità kemm-il darba jingħaqdu biex juru solidarjetà ma’ xi wieħed minnhom li jkollu xi jgħid, biex “ituh daqqa t’id.” Qal ukoll li wieħed mill-akkużati qal, “Ma jibqax wieħed iswed ġo din l-iskola.”

Fi tmiem din is-seduta, il-Qorti tat ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati, u ordnatilhom li jiffirmaw l-għassa darba fil-ġimgħa u wissiethom biex iżommu ‘l bogħod mill-iskola u minn “dak it-tifel.”

Iz-ziju ngħata l-ħelsien b’depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000, filwaqt li l-missier inħeles b’depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €2,500.