Tarbija li twieldet ta’ 23 ġimgħa u kienet kbira daqs labra f’Nottinghamshire, irnexxielha tgħix minkejja li t-tobba ħasbu li ma kellhiex ċans tgħix.

Il-ġenituri tat-tarbija George, li għandhom 25 u 27 sena, semgħu tabib wara ieħor jgħidilhom li m’hemmx ċans li George jirnexxilu jgħix peress li kellu jitwieled ta’ 23 ġimgħa biss. Meta twieled f’Lulju, huwa kien jiżen biss 700 gramma, u kien twil daqs labra tat-tilqim.

L-ewwel ftit xhur tiegħu ma kinux faċli, għaliex affaċċja mard bħal infezzjoni fid-demm u meninġite, żewġ mardiet li smajna bihom f’Malta dal-aħħar, u li waħda minnhom ħasdet il-ħajja taċ-ċkejkna Elise.

Tmut it-tarbija bl-infezzjoni fid-demm

Iżda wara 26 ġimgħa l-isptar, George ntbagħat id-dar. Omm George qalet li kienet konvinta li kien se jmut, u tħoss li ġara miraklu biex illum il-ġurnata għadu ħaj.

Hanna, omm George, spjegat li kellha tqala normali mingħajr kumplikazzjonijiet. Imma meta waslet fit-23 ġimgħa tat-tqala tagħha, kellha wġigħ f’daharha, u t-tabib qalilha li kienet qiegħda twelled. Hija welldet 6 ijiem wara f’baħar ta’ inkwiet. Fil-fatt, Hanna kellha twelled mingħajr moniters minħabba li ma setax ikun hemm intervent mediku, peress li George kien għadu lanqas għalaq 24 ġimgħa.

6 minuti wara li twieled, George tpoġġa ġo inkubatur. Hanna u s-sieħeb tagħha lanqas setgħu jmissuh minħabba li twieled b’ġilda trasparenti.

Minħabba f’hekk, huwa kellu l-fwied minfuħ u tilef 40% tad-demm waqt operazzjoni. Minn hemm, huwa kellu infezzjoni fid-demm u meninġite, u ġismu sofra minn xokk.

Il-ġenituri ta’ George kienu qatgħu qalbhom, bit-tobba jwissuhom biex ma jitilqux minn ħdejn George għax seta’ jmut f’kull sekonda.

Imma George ssorprenda lil kulħadd meta beda sejjer għall-aħjar. Minkejja l-miraklu, George xorta jrid juża tank tal-ossiġnu biex jieħu n-nifs, imma l-ġenituri tiegħu qalu li kull ġurnata ma’ George hija miraklu mingħand Alla.

Hanna u Daniel qegħdin jiġbru l-flus fuq GoFundMe sabiex jirnexxilhom iħallsu għall-fiżjoterapija li għandu bżonn George biex jirkupra, peress li għandu xi ħsara f’moħħu. Huwa qed jistenna li ssirlu s-7 operazzjoni tiegħu, filwaqt li jkollu appuntament l-isptar kuljum.

Tista’ tgħin lil George billi tagħmel donazzjoni hawnhekk.