PN

Akkumpanjat mill-kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej Michael Briguglio, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-ambjent Jason Azzopardi qal li r-reklamazzjoni tal-art m’għandix issir mingħajr ma jiġi studjat l-impatt fuq il-fawna, il-baħar u l-inħawi tal-madwar.

Huwa qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali li fiha l-Partit Nazzjonalista ħareġ bi proposti biex l-iskart tal-kostruzzjoni jinbidel f’riżorsa li tista’ terġa’ tintuża.

Azzopardi qal li jeħtieġ li titfassal strateġija nazzjonali dwar l-iskart mill-kostruzzjoni, u li tkun ibbażata fuq studji serji li jistħarrġu wkoll l-impatt ambjentali flimkien mal-istakeholders kollha.

Id-deputat Jason Azzopardi qal li meta l-Gvern qed jibbaża fuq is-settur tal-kostruzzjoni bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, kellu jaħseb ukoll fl-oqsma kollha relatati inkluż ir-rimi tal-iskart li din l-industrija tiġġenera, u kif ukoll il-ħarsien ambjentali.

Min-naħa tiegħu, Michael Briguglio qal li dawn id-diffikultajiet bl-iskart tal-kostruzzjoni minħabba n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, qed joħolqu riperkussjonijiet ta’ inċertezza u instabilità kemm fuq l-ispejjeż tal-kuntratturi kif ukoll fuq il-prezz tal-proprjetà li qed tinbena.

Il-punti li tressqu għad-diskussjoni huma:

  1. Skemi ġodda li jibqgħu jinċentivaw il-konservazzjoni u r-restawr tal-bini eżistenti.
  2. Aktar skemi u sussidji biex flok twaqqigħ tal-bini jitfasslu metodi fejn jittieħed materjal li jista’ jerġa’ jintuża billi jiġi riċiklat għall-iskop tal-bini.
  3. Wara konsultazzjoni wiesa’ tinbena faċilità nazzjonali minfejn il-materjal mill-iskart tal-kostruzzjoni jintgħażel u jerġa’ jinbiegħ mingħajr piż fuq l-iżviluppaturi.
  4. Inċentivi u skemi biex aktar ġebel u materjal ieħor tal-kostruzzjoni mill-bini li jitwaqqa’ u djar antiki, jiġi maħżun għall-iskop ta’ restawr u l-bini ta’ djar oħra.
  5. Għandhom jitfasslu skemi sabiex ssir reconstituted stone li tista’ tiġi wkoll esportata.
  6. Allokazzjoni akbar ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea biex tindirizzata b’serjetà l-problema tal-iskart mill-kostruzzjoni.
  7. Skemi għall-ħarsien tal-ambjent tal-madwar taż-żoni tal-kostruzzjoni.

Il-PL jgħid li hawn “kunsens wiesgħa“ dwar ir-reklamazzjoni tal-art

Il-Partit Laburista qal li l-fatt li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-prinċipju tar-reklamazzjoni tal-art hu pass ‘il quddiem għax skont il-Partit Laburista “dan ifisser li hekk fil-pajjiż jeżisti kunsens wiesgħa dwar kwistjoni tal-ikbar importanza”. Il-Partit Laburista qal ukoll li jittama li l-attitudni tkun differenti minn kif il-PN għamel dwar l-isfida tal-iskart fejn qal li minkejja kull stedina lill-PN biex ikun parti mid-diskussjoni, iddeċieda li jibqa’ “gallarija biex jilgħab il-logħba politika partiġjana”.