Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli akkużat lill-MEPs Nazzjonalisti b’“tentattivi partiġġjani” li skonta qed ikomplu jtellfu l-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet.

Dalli qalet dan b’reazzjoni għad-diskussjoni li saret ilbieraħ filgħaxija fil-kumitat tal-libertajiet ċivili dwar riżoluzzjoni li fiha tissemma Malta. Hija elenkat għadd ta’ punti fir-riżoluzzjoni dwar Malta u s-Slovakkja li ma jirriflettux il-verità.

Fost oħrajn, Miriam Dalli rreferiet għal kif ir-riżoluzzjoni qed titlob għall-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju ta’ Miriam Dalli ntqal li l-Gvern Malti qatt ma eskluda li jkun hemm tali inkjesta. Spjegat ukoll li ħadd ma jrid jippreġudika l-każ.

Dalli spjegat ukoll li dan il-Gvern qed jaħdem biex jirriforma liġijiet li ilhom hemm is-snin.

Qalet ukoll li hija ħasra li l-plenarja tal-Parlament Ewropew se tivvota fuq riżoluzzjoni li tħalli barra numru ta’ fatti importanti li skont Dalli “se jservu biss biex jaljenaw liċ-ċittadini”.

“Jekk qatt kelli xi dubju li din ir-riżoluzzjoni qed tintuża għal kampanja partiġġjana ta’ xi wħud, illum neħħejt dak id-dubju,” saħqet Dalli.

Dalli qalet li xebet tara l-MEPs Nazzjonalisti “jpoġġu l-interess partiġgjan qabel l-interess nazzjonali”.