Il-ġurnalist Manuel Delia fit-tweġiba għall-isfida li saritlu dwar x’inhu l-interess tiegħu fil-każ kostituzzjonali li fetaħ kontra l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, kwota l-affidavit tiegħu stess li ġie preżentat quddiem il-Qorti li jgħid ċarament li hu flimkien ma’ attivisti oħra kienu fil-fatt poġġew fjuri u xemgħat quddiem il-mafkar għall-ġurnalista assassinata fil-Belt. Fit-tweġiba tiegħu Delia saħaq li r-rikors kien nieqes mil-loġika filwaqt li spjega b’mod dettaljat għalfejn jaħseb dan. Manuel Delia huwa wieħed mill-organiżaturi tal-protesti li jsiru kull  16 ta’ xahar li fihom tintalab ġustizzja għall-ġurnalista assassinata. Diversi attivisti jmorru kuljum ipoġġu l-fjuri u informazzjoni dwar Caruana Galizia quddiem il-monument.

AQRA: L-avukati tal-Ministru jsaqsu “x’inhu l-interess ta’ Delia?”

Delia kien fetaħ proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn qed jgħid li d-drittijiet fundamentali tiegħu qed jiġu miksura kull darba li tneħħew il-fjuri, x-xemgħat u affarijiet oħra relatati mal-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Biex jibdew proċeduri quddiem il-Qorti wieħed irid ikollu interess ġuridiku. Fl-aħħar seduta l-interess ġuridiku tal-ġurnalista ġie sfidat mill-avukati li qed jidhru għall-Ministru kif ukoll għad-Direttur tad-Dipartiment tat-Tindif Ramon Deguara.

Ir-rikors preżentat mill-avukati tal-Ministeru ġie deskritt bħala wieħed nieqes mill-loġika u l-prattiċità fit-tweġiba ta’ Delia.

Fir-risposta tiegħu Delia qal li huwa ħa sehem fil-protesti li ġew organizzati mis-soċjetà ċivili. Delia qal ukoll li lest li juri evidenza li huwa kien ħallas għall-istrixxuni li tpoġġew quddiem il-hoarding li kien hemm madwar il-monument għal xi żmien. Il-ġurnalist saħaq li kemm il-darba marru quddiem il-monument biex iżommu l-protesta ħajja. L-attivisti kull 16 tax-xahar ifakkru li għadhom qed jistennew ġustizzja għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Delia saħaq li huwa lest jipprova li ħallas għall-istrixxuni u li poġġa fjuri u xemgħat quddiem il-monument. Sostna li l-ħaddiema tal-Ministeru rritornawlu l-affarijiet meta kienu ordnati mill-Pulizija.

L-avukati Karol Aquilina, Paul Borg Olivier, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, u Eve Borg Costanzi qed jidhru għal Manuel Delia.