REUTERS/Henry Romero/File Photo

Joaquin “El Chapo” Guzman magħruf bħala l-ikbar traffikant tad-droga fid-dinja nstab ħati li huwa kien imexxi gruppi vjolenti u li eluf ta’ tunnellati tad-droga ġew traffikati fl-Amerika f’Qorti Amerikana t-Tlieta. El Chapo għandu 61 sena u huwa mill-Messiku.

Il-ġurati ta’ Qorti fi Brooklyn sabu lil Guzman ħati fuq 10 kapi ta’ akkuża u qed jaffaċċja sentenza ta’ għomor il-ħabs. Is-sentenza se tingħata nhar il-25 ta’ Ġunju.

Guzman huwa wieħed mill-persunaġġi ewlenin fil-gwerrer tad-droga fil-Messiku. Huwa rnexxillu jaħrab darbtejn mill-ħabs li huma taħt sigurtà kbira. Fl-istat fejn twieled, Sinaloa, Guzman huwa meqjus bħala Robin Hood mal-foqra.

Waqt li kien qed jinqara l-verdett, Guzman ma wera l-ebda emozzjoni. Għalkemm kif ħarġu l-ġurati, martu, Emma Coronel, kienet tidher emozzjonata skont l-Aġenzija tal-Aħbarijiet Reuters.

El Chapo kien estradit lejn l-Istati Uniti fl-2017 wara li kien arrestat fil-Messiku sena qabel.

Huwa kien l-ewwel mexxej ta’ kartel li għażel li jgħaddi ġuri minflok ammetta l-ħtija bħal ta’ qablu.

Il-proċeduri fil-qorti damu 11-il ġimgħa b’iktar minn 50 persuna telgħet tixhed kontrih.

Il-prosekuturi Amerikani qalu li huwa ttraffika ammonti sostanzjali ta’ drogi kokaina, erojina, marijuana u metanfetamina lejn l-Istati Uniti fuq iktar minn għoxrin sena. Qalu wkoll li huwa kkonsolida l-poter tiegħu fil-Messiku permezz ta’ assassinji u gwerrer mar-rivali tiegħu.

Huwa sar l-iktar traffikant famuż minn wara Pablo Escobar.

Skont l-avukati ta’ Guzman, huwa nqabad minħabba Ismael “El Mayo” Zambada, traffikant ieħor minn Sinaloa li mhux maqbud.

Meta ngħata l-verdett, l-avukati tiegħu wrew id-dispjaċir iżda qalu li jirrispettaw id-deċiżjoni.