Id-Direttur Ġenerali tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia ġiet sospiża b’mod indefinit, u nfteħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, wara li ġie allegat li Fenech Farrugia ħadet flus mill-bejgħ illegali tat-tonn. Minn naħa tagħha Fenech Farrugia ċaħdet l-allegazzjonijiet fil-konfront tagħha.

AQRA: 79 arrestati dwar traffikar ta’ tonn; Malta involuta

Fi stqarrija l-Gvern qal li qed jikkollabora mal-awtoritajiet fl-investigazzjonijiet kollha li qed issiru. Kompla jiġi spjegat li l-Pulizija Maltija għamelt kuntatt mal-Europol biex tirċievi l-informazzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli dwar l-investigazzjonijiet li qed issiru rigward il-bejgħ illegali tat-tonn li fiha hemm involuta l-kumpanija multinazzjonali Spanjola Grupo Fuentes li għandha kumpanija f’Malta.

Il-Gvern saħaq li se jkun qed jikkollabora mal-awtoritajiet kollha biex jiġu stabbiliti l-fatti anka fl-interess tas-settur tas-sajd u l-akwakultura f’Malta.

Flus mill-bejgħ illegali tat-tonn: Id-DĠ sospiża b’mod indefinit

Id-Direttur Ġeneral tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia ġiet sospiża b’mod indefinit. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Ministru tal-Ambjent. Is-sospenzjoni ta’ Fenech Farrugia ġiet wara li ġie rrappurtat li allegatament ħadet flus min-negozju illegali tat-tonn. It-telefonati bejn Fenech Farrugia u Jose Fuentes Garcia, ir-raġel suspettat li huwa responsabbli tan-negozju illegali tat-tonn li jiswa madwar €25 miljun, ġew interċettati. Fuentes imexxi Grupo Fuentes, l-ikbar bejjiegħ tat-tonn fid-dinja.

Il-gazzetta Spanjola El Confidencial ippubblikat transkrizzjonijiet telefoniċi bejn Fenech Farrugia u Fuentes Garcia fejn f’waħda mill-konverżazzjonijiet interċettati, Fenech Farrugia qalet lil Fuentes Garcia li tinsab il-Bulgarija biss minħabba fih u li qed tistenna l-ħlas. Qatlu wkoll li hi għandha laqgħa u qegħda mad-Direttur Ġenerali tas-Sajd ta’ Brussell. It-telefonata tmur lura għal-20 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra meta fil-Bulgarija kien hemm laqgħa tal-mexxejja tas-sajd waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Bulgarija.

Jose Fuentes Garcia huwa l-viċi president tal-Grupo Ricardo Fuentes e Hijos u fost il-kumpaniji għandu kumpanija sussidarja f’Malta, il-Mare Blu Tuna Farm Limited li twaqqfet fl-1996.

Mill-konverżazzjonijiet li għandu El Confidencial, jidher li Fenech Farrugia kienet ilha tikkollabora għal żmien ma’ Fuentes Garcia.

Ħareġ ukoll li Fenech Farrugia kienet tuża numru Spanjol biex tikkomunika ma’ Fuentes Garcia skont l-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija Spanjola. ‘La jefa’ jew ‘il-kap’ kif kienu jirreferu għaliha uħud mid-diretturi kienet tgħid lin-negozjanti li kienet se tipprova tkun f’lukanda popolari fejn kien qed joqgħod in-negozjant. Fil-25 ta’ Ġunju 2018 għall-ħabta tal-11pm huma kienu allegatament iltaqgħu.

Il-kelliem għall-Ministru spjega li fil-mumenti li ġejjin se tkun qed tinħareġ stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent. Meta mistoqsi jekk bħala Ministeru għandux l-intenzzjoni li jinvestiga, il-kelliem qal li “definitivament” u kompla jgħid li l-Ministeru se jkun qed jimxi ma’ kull investigazzjoni li se tkun qed ssir. Qal iżda li f’dan l-istadju għadhom qed jaraw. Saħaq li bħala Ministeru se jkunu qed jassistu kull investigazzjoni li se tkun qed issir. Meta mistoqsi jekk il-każ hux se jkun referrut lill-Pulizija, il-kelliem wieġeb li se jkunu qed jaraw mal-avukat, dan biex jaraw jekk hux il-Pulizija minn jheddhom se jinvestigaw jew inkella hux il-Ministeru li jrid jinvestiga l-każ.

Newsbook.com.mt saqsa jekk hux se jitlaħħaq Direttur Ġenerali ieħor minflok Fenech Farrugia. Il-kelliem saħaq li Fenech Farrugia ġiet sospiża b’mod indefinit iżda huwa “ovju” li xi ħadd jrid imexxi d-dipartiment u għalhekk ma jeskludux li xi ħadd jitpoġġa’ direttur ġenerali fil-ħinijiet jew il-ġranet li ġejjin. Huwa kkonkluda li l-prijorità tal-Ministeru tibqa’ li s-sajjieda u l-industrija ma tiġiex impattata b’mod negattiv u saħaq li s-settur għandu jkompli miexi ‘l quddiem.

AQRA: Filmat: Illegalitajiet fl-industrija tat-tonn mhux tollerabbli – Il-Gvern

Fenech Farrugia kienet tlaħqet fl-2013

Andreina Fenech Farrugia laħqet Direttur Ġenerali tas-Sajd fl-2013 u ħadet post Joe Caruana li laħaq f’Novembru 2011. Dak iż-żmien is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes kien responsabbli mis-sajd. Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Galdes rigward Fenech Farrugia iżda ntalab jibgħat il-mistoqsijiet bil-miktub dwar Fenech Farrugia. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li huwa mhux responsabbli mis-sajd iżda mill-akkomodazzjoni soċjali.

Iktar tard il-kelliem għal Galdes fi tweġiba bil-miktub qal li Caruana kien Direttur Ġenerali tal-Aġenzija tal-Pagamenti Rurali u kien qiegħed jokkupa biss il-kariga ta’ Aġent Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd fuq bażi temporanja. Spjega wkoll li l-ħatriet ta’ Diretturi hu proċess amministrattiv li huwa regolat mis-servizz pubbliku.

It-Times of Malta kienet rrappurtat li settur kien inħasad meta Fenech Farrugia laħqet. Fl-2013 id-Direttur Ġenerali tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea Lowri Evans kienet qalet li kien hemm progress fis-settur tas-sajd f’laqgħa li kellha mar-Rappreżentat Permanenti ta’ Malta Marlene Bonnici. Dan wara li fl-2011 kienet qalet li s-settur kien jinsab fi stat ħażin.

Fenech Farrugia tiċħad l-allegazzjonijiet

Fenech Farrugia għamlet kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u saħqet li tiċħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tagħha. Spjegat li hi minn dejjem żammet l-ogħla standards ta’ professjonalità f’xogħolha. Qalet ukoll li dejjem ħadet il-passi neċessarji kontra l-operaturi kull meta kien hemm suspett ta’ illegalitajiet f’kwalunkwe ħin.