Il-Papa Franġisku qed jirriserva d-dritt li jivverifika u jkun ċert li ż-żewġ naħat fil-kunflitt fil-Venezuela jixtiequ medjazzjoni mill-Vatikan fil-kwestjoni ta’ bejniethom, qabel jikkunsidra din it-talba filwaqt li l-Knisja Kattolika fil-pajjiż qed tkompli tinsisti għal soluzzjoni paċifika.

Meta kien qed jirritorna miż-żjara li għamel fl-Emirati Għarab Magħquda, fuq l-ajruplan, il-Papa kien diġà għamilha ċara li biex ikun hemm medjazzjoni din trid tintalab miż-żewġ partijiet.

Waqt dik it-titjira l-Papa kien ikkonferma l-impenn tas-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan għal soluzzjoni fil-Venezuela u tkellem dwar kif id-diplomazija Vatikana kienet ħadmet permezz tal-Arċisqof Emil Paul Tscherring u l-Arċisqof Claudio Maria Celli għal din is-soluzzjoni iżda sfortunatament kollox spiċċa duħħan.

Ħsiebu fil-Venezuela

Il-kriżi tal-Venezuela laħqet il-qofol tagħha fit-23 ta’ Jannar li għadda meta l-Kap tal-Assemblea Nazzjonali tal-pajjiż, Juan Gerardo Guaido, iddikjara lilu nnifsu bħala President “ad interim” tal-pajjiż. Dakinhar il-Papa kien beda ż-żjara appostolika tiegħu fil-Panama għall-Jum Dini taż-Żgħażagħ.

Fl-Angelus ta’ erbat’ ijiem wara  l-Papa kien indirizza l-poplu tal-Venezuela u qal li waqt li kien qiegħed il-Panama ħaseb ħafna fuq dak il-pajjiż u l-poplu tiegħu li miegħu kien iħossu magħqud. “Fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti gravi nitlob l’Alla biex tinstab soluzzjoni ġusta u paċifika biex tingħeleb il-kriżi, b’rispett għad-drittijiet umani u l-ġid tal-abitanti kollha tal-pajjiż. Nistedinkom titolbu bl-interċessjoni u taħt il-protezzjoni tal-Madonna ta’ Coromoto, Patruna tal-Venezuela”.

 L-appelli tal-Papa

Rapport tal-Vatican News jikkonferma li din mhux l-ewwel darba li l-Papa Franġisku għamel appell fir-rigward tal-Venezuela.  Meta bdiet il-kriżi fil-pajjiż lura fl-2014 kien bagħat messaġġ fejn ħeġġeġ għal djalogu u fih tkellem dwar il-maħfra u l-ħniena li l-Papa qal huma elementi meħtieġa biex neħilsu lilna nfusna mit-‘tpattija u l-mibegħda’ u naqbdu triq li titlob ‘paċenzja u kuraġġ’ imma li hi l-unika triq li tista’ twassal għall-paċi u l-ġustizzja.

Aktar qribna, f’Mejju 2017 il-Papa kien kiteb lill-Isqfijiet tal-Venezuela u ħeġġiġhom ‘jibnu l-pontijiet’. Hu kien esprima d-dispjaċir kbir tegħu għall-ġlied u l-vjolenza. Skont rapporti riċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dak il-ħlied kien ħalla 43 persuna mejta u 850 oħra arrestati.

 Pajjiż għarkubtejh

Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezuela hi l-akbar uġiegħ ta’ ras għall-Isqfijiet tal-pajjiż. Il-pajjiż ilu snin għarkubtejh minkejja li għandu ħażniet kbar ta’ żejt. Skont l-Aġenzija tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) 12% tal-popolazzjoni m’għandhiex ikel biżżejjed, l-ogħla rata fl-aħħar 25 sena. Hu kalkulat li 2.3 miljuni persuna telqu mill-pajjiż mill-2015 l’hawn.

 Il-vuċi tal-Isqfijiet

Il-Knisja fil-Venezuela hi mħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni drammatika li fiha qed jgħix il-poplu minħabba n-nuqqas ta’ ikel u mediċinali. “Irrid niftħu l-pajjiż għall-għajnuna umanitarja minħabba s-sitwazzjoni drammatika bla preċedent li fiha jinsab il-pajjiż”, qalu l-Isqfijiet.

Għan-nom tal-Konferenza Episkopali tal-Venezuela, is-Segretarju Ġenerali tagħha, l-Isqof Jose Trinidad Fernandez qal li “aħna l-Isqfijiet nispiraw ruħna mill-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Paċi li fih jitkellem dwar il-bżonn ta’ politika tajba għas-servizz tal-paċi.

“Ma rridux tixrid ta’ demm għall-ebda raġunifid-dinja. Aħna li l-Venezuelani huma poplu paċifiku u allura hemm bżonn soluzzjoni negozjata u paċifika li tirrispetta lil kulħadd. Il-kmandamant ‘La Toqtolx’ hu ferm validu f’dan il-mument. Dan għandu jkun proċess ta’ paċi mhux ta’ gwerra”, qalu l-Isqfijiet.