DOI: Francis Micallef

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ddefenda d-deċiżjoni tiegħu li jissospendi lid-direttur tad-Dipartiment tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia billi qal li kieku l-Gvern kellu joqgħod fuq id-diċeriji, kien jispiċċa jkeċċi lil kulħadd għax skontu “kulħadd ipeċlaq fuq kulħadd”.

“Ma taqbadx u tisspospendu għax ikun hemm allegazzjoni,” qal Herrera.

Huwa spjiega li f’dan il-każ hemm inkjesta maġisterjali, investigazzjoni mill-Europol u mill-awtoritajiet Spanjoli.

Inkjesta dwar “teħid ta’ flus mill-bejgħ tat-tonn mid-DĠ”

Il-Ministru kien qed iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet mid-deputati parlamentari wara li għamel stqarrija fil-Parlament fejn informa lill-kamra li d-direttur tad-Dipartiment ġiet sospiża u nfetħet inkjesta maġisterali mill-Maġistrat Gabriella Vella, waqt bil-każ ġie nfurmat ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija.

Huwa qal li kif dejjem jagħmel il-Gvern b’każijiet simili, jinforma lill-Pulizija biex tinvestiga l-każ waqt li jissospendi l-persuni konċernati sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.

“Il-ħuta minn rasha tintenn” – Vassallo

Wara stqarrija ministerjali, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li dan hu każ fejn l-Gvern hu b’saħħtu maż-żgħir u batut mal-kbir.

“Il-ħuta minn rasha tinten. Issa l-Ministru qed jgħid li kif għamel dejjem qed jikkollabora fuq l-investigazzjonijiet marbutin mad-Direttur tas-Sajd. Madanakollu għandna allegazzjoni ta’ Ministru u Chief of Staff li qed idaħħlu €5,000 fil-ġimgħa u l-Gvern mhu qed jagħmel xejn,” hu qal.

“Malta, issa implikata bil-ħasil tat-tonn” – Farrugia

Id-deputat parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet  li issa pajjiżna qed jingħata timbru ieħor u dan mhux biss dak tal-ħasil tal-flus imma issa anki tal-ħasil tat-tonn.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Godfrey Farrugia staqsa jekk hux se jitwaqqfu applikazzjonijiet marbutin ma’ proġetti ġodda ta’ tkabbir ta’ tonn fl-ibħra Maltin.

“Imħassbin dwar l-allegazzjonijiet dwar id-DĠ tas-sajd” – Charlon Gouder, FMAP