L-aħħar darba li ngħatat amnestija kienet fl-2005 meta multa ta’ LM3,696 (€8,600) li ġiet konvertita f’sentenza ta’ sena ħabs inħafret wara li l-pruġunier serva biss 22 ġurnata.

Dan joħroġ mill-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-medja tal-Kamra mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

Aquilina staqsa dwar l-amnestiji li ġew mogħtija lill-pruġunieri mis-sena 2000 ‘il quddiem.

Minn 27 amnestija, kollha kienu fuq multa li ma tħallsitx u nbiddlet f’sentenza ħabs, ħlief waħda meta f’Mejju tas-sena 2004 kienet inħarget maħfra presidenzjali għal sentenza ħabs ta’ 10 snin wara li l-pruġunier kien serva tliet snin u erba’ xhur.