L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech stqarr li fl-adolexxenti li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof jara l-familja. Dan qalu waqt il-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd, fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar. Huwa għadda messaġġ lil dawk li fix-xhur li ġejjin se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof.

Esprima kemm kien qed iħossu ferħan li quddiemu kien qed jara lil dawn iż-żgħażagħ, għaliex fihom kien qed jara l-familja ta’ kull wieħed u waħda minnhom. Irringrazzja lill-familijari ta’ dawn l-adoloxxenti, għax kienu huma li wassluhom għal din il-mixja tagħhom wara Ġesù. Kompla jirringrazzjahom talli dejjem ressqu lil uliedhom għas-sagramenti.

L-ikbar ringrazzjament tiegħu mar għall-katekisti għax dejjem iggwidaw lill-istudenti. Wera d-dispjaċir tiegħu li l-katekisti ma jiġux apprezzati biżżejjed, u b’hekk għamel appell biex kulħadd jgħożż lill-katekisti tiegħu, u jħarsu lejhom sabiex jgħinuhom fil-ħajja Nisranija. Saħansitra ta suġġeriment sabiex meta jiġu biex jagħżlu l-parrinu/a tagħhom, jagħżlu lill-katekista. Dan għaliex il-katekista tgħin fil-faċi tal-formazzjoni. Kompla billi rringrazzja lill-katekisti talli jxandru l-Vanġelu lill-adoloxxenti u talli jlaqqgħuhom ma’ Ġesù.

Tenna billi saħaq kemm hi ta’ importanza l-liturġija għaliex il-formazzjoni Nisranija ma titteħiedx biss mill-katekiżmu, iżda anke mil-liturġija. Fl-aħħar nett saħaq fuq l-importanza tal-quddies u tal-Ewkaristija, u kemm hu importanti li ma jiġix ittraskurat is-sehem frekwenti tal-Ewkaristija, speċjalment l-Ewkaristija tal-Ħadd.