L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li d-dlam li esperjenza San Pawl f’diversi waqtiet matul ħajtu huwa dlam li jaffettwa lil kulħadd fil-ħajja ta’ kuljum, anki jaffettwa lill-Isqof stess. Jistqarr kif anki “l-Appostlu Missierna Pawlu ġarrab it-toqol tal-lejl”. Huwa semma kif fil-ġrajja tan-Nawfraġju fuq Malta seħħet bil-lejl u jgħid kif l-Atti tal-Appostli miktuba minn San Luqa huma mhux biss rakkont kronoloġiku ta’ x’ġara imma anke “interpretazzjoni tat-taqbida spiritwali li għadda minnha San Pawl u ngħaddu minnha aħna”.

L-Isqof Grech kien qed jgħid dan fl-Omelija fil-festa ta’ San Pawl fil-knisja tal-Munxar iddedikata lil San Pawl Nawfragu.

Mons Grech beda l-Omelija tiegħu billi semma uħud mill-esperjenzi mill-ħajja ta’ kuljum fejn il-bnedmin jesperjenza id-dlam. Fosthom huwa semma każijiet ta’ min hu marid f’qiegħ ta’ sodda, l-inkwiet serju fiż-żwieġ jew fil-familja u dawk li jkunu qed jgħaddu minn problemi finanzjarji. Jispjega kif dawn ma humiex sitwazzjonijiet sbieħ “meta wieħed jitlef il-gost ta’ Alla għax jinħakem minn dubji serji tal-fidi”.

Ħadd ma huwa meħlus minn dawn il-fażijiet tal-lejl. Ngħaddu minnhom individwalment, ras għal ras, bħala familji, bħala Knisja, kif ukoll bħala soċjetà.

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof Grech isemmi diversi esperjenzi bibbliċi ta’ meta San Pawl esperjenza d-dlam f’ħajtu tant li kif jgħid l-Isqof stess “il-ħajja ta’ Pawlu hija mfissra bħala ‘esperjenza prolungata tal-lejl’”. Jgħid ukoll kif il-Kardinal Martini jgħid li l-ħajja ta’ Pawlu kienet Via crucis kontinwa.

“Anke San Pawl għex id-dlam, taqtgħux qalbkom”

L-Isqof Grech għamel appell lill-poplu ta’ Alla fejn appellalu biex ma jaqtax qalbu. Dan minħabba li anke San Pawl fil-ħajja tiegħu esperjenza d-dlam.

Fisser kif “la huwa faċli li wieħed jagħraf b’ċertezza x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih u lanqas ma huwa ħafif li wieħed jgħix skont din ir-rieda”. Huwa kompla jħeġġeġ l-ispirtu pożittiv fil-ħajja billi qal li “huwa normali li x’ħin niġu biex nifhmu liema huma l-passaġġi ta’ Alla fl-istorja tagħna, ngħaddu minn fażi ta’ dwal u dellijiet”.

Fl-Omelija, l-Isqof ifisser kif fir-rakkont tal-ġrajja tan-nawfraġju ta’ Pawlu, hemm min jgħid li Luqa ried ukoll jurina li Pawlu għadda mill-istess esperjenza tal-lejl li għadda minnha Kristu fuq is-salib. “Għax anki l-Iben ta’ Alla għadda minn mumenti ta’ dlam”, jisħaq Mons Grech. Jtenni li kif bil-qawmien tiegħu Ġesù rebaħ id-dlam tal-mewt u salva lil kulħadd minn ħalq il-mewt, hekk Pawlu ħareġ mid-dlam ta’ dik it-tempesta u salva lil dawk kollha li kienu miegħu.

Itemm jgħid li “għalkemm il-lejl mudlam huwa parti mill-ħajja, Alla jibgħat l-anġlu tiegħu biex joħroġna minn dawn il-mumenti mudlama”.