Matul l-aħħar Laqgħa Ġenerali tal-Malta Motorsport Federation (MMF), is-Sur William England għal darb’oħra ġie kkonfermat bħala Viċi President tal-Federazzjoni għat-tieni mandat tiegħu ta’ tliet snin. Is-Sur England kien is-sena l-oħra rikonoxxut bi premju FIA għall-kontribut tiegħu biex itejjeb l-aħjar prattika tal-isport, l-ewwel premju li ngħata lil Uffiċjal f’Malta mill-FIA. Barra minn hekk, is-Sur Jonathan Bruno ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni, wara l-kontribut siewi tiegħu fil-kariga ta’ Viċi Segretarju tal-Federazzjoni għal-erba snin ta’ qabel.

Is-Sinjura Susanne Fenech ġiet eletta mill-membri tal-Federazzjoni bħala Viċi Segretarju / PRO tal-Federazzjoni. Is-Sinjura Fenech hija dilettant kbira tal-motorsport b’esperjenza vasta fl-organizzazzjoni ta’ festivals relatati mal-motorsport lokalment. Bl-elezzjoni tagħha, il-Federazzjoni qed turi li n-nisa huma rikonoxxuti fl-ogħla komponent tal-Federazzjoni, billi s-Sinjura Fenech saret l-ewwel mara li ssieħbet fil-Kunsill Amministrattiv tal-Federazzjoni. L-MMF tilqa’ lis-Sinjura Fenech u tinkoraġġixxi aktar nisa fil-motorsport fl-aspetti kollha tieghu, kemm bħala kompetituri, uffiċjali, inġiniera, mekkaniċi jew pożizzjonijiet oħra.

Il-Kunsill il-ġdid tal-Amministrazzjoni tal- Malta Motorsport Federation huwa magħmul mill-uffiċjali li ġejjin:

  • Is-Sur Tonio Cini – President
  • Is-Sur William England – Viċi President
  • Is-Sur Pierre Sammut – Teżorier
  • Is-Sur Jonathan Bruno – Segretarju Ġenerali
  • Is-Sinjura Susanne Fenech – Viċi Segretarju / PRO

Matul il-Laqgħa Ġenerali, il-membri tal-Federazzjoni approvaw bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-organizzazzjoni biex jirriflettu format aktar internazzjonali skond il-Federazzjoni tal-Motorsport f’pajjiżi oħra billi ħolqu Kummissjonijiet ta’ l-Isport li jkopru varjetà ta’ dixxiplini tal-Motorsport, jiġifieri Hill Climb, Karting, Drifting, Drag Racing u Off-roading. L-iskop tal-kummissjonijiet sportivi huwa li tagħżel grupp ta’ nies biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-dixxiplina tagħhom bl-intenzjoni li jkabbru n-numru ta’ parteċipanti, iżommu d-dixxiplina aġġornata ma l-aħjar prattiki u jassistu lill-klabbs biex iżommu aġġornati ma regolamenti ġodda għall-avvenimenti tagħhom. Is-sewwieq, il-klabbs u r-rappreżentanti uffiċjali kollha se jkunu parti minn dawn il-kummissjonijiet sportivi, u jwittu t-triq għal riformi aħjar li għandhom il-kunsens ta’ kulħadd.