1051 persuna irriżultaw li kienu f’Malta b’mod irregolari. Dan qalitu kelliema għall-Pulizija ma’ Newsbook.com.mt. Din il-kamra tal-aħbarijiet staqsiet lill-Pulizija kemm saru kontrolli ta’ dokumenti ta’ persuni f’Malta matul is-sena li għaddiet.

Il-kelliema għall-Pulizija spjegat li bejn 1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru, il-Pulizija mit-taqsima tal-Immigrazzjoni waqfet 4906 persuna. Minnhom instabu 1051 persuna li qegħdin f’Malta b’mod irregolari. Il-kelliema qalet li f’kull każ ittieħdet azzjoni permessa mil-liġi. Kompliet tispjega li l-liġi tippremetti li uffiċjal tal-Pulizija jwaqqaf u jitlob persuna turi id-dokumenti ta’ identifikazzjoni.

AQRA: Pulizija pajżana jitolbu d-dokumenti ta’ persuni fit-toroq

Ix-xogħol tat-taqsima tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni primarjament jikkonsisti f’kontrolli tad-dħul u ħruġ ta’ persuni minn Malta. L-uffiċjali huma stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, filwaqt oħrajn jaħdmu fil-Port il-Belt, il-Marina tal-Msida u l-Port tal-Imġarr Għawdex.

L-Uffiċċju Ċentrali tal-Immigrazzjoni jinsab fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn isir xogħol bħal l-ipproċesar tal-viża, l-ipproċesar tal-permessi tar-residenza, fost oħrajn. Unità fit-traqsima tal-Immigrazzjoni jagħmlu investigazzjonijiet. Filwaqt li hemm uffiċjali li huma responsabli milli joħroġu l-avviżi meta wieħed ikun se jintbgħat lura lejn pajjiżu.