Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa wiegħed li jaħdem biex iġib fondi Ewropej għar-raba’ vapur li qal li huwa bżonnjuż biex inaqqas il-problema li jgħaddu minnha l-Għawdxin ta’ kuljum.

Il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech qalu li jaqblu li f’Għawdex jiżdied ir-raba’ vapur. F’filmat li tellgħet fuq Intagram fi triqitha lejn Għawdex, Metsola appellat biex jinstab dan ir-raba’ vapur.

Fi stqarrija Casa saħaq li l-familji u l-individwi Għawdxin mhumiex ċittadini tat-tieni klassi filwaqt li qal li l-Gvern dawwar wiċċu u qed jinjora l-problema tal-aċċessibiltà li qal li dejjem qed tikber. Spjega li l-insularità doppja li qed jaffaċċjaw qed tiswielhom f’diversi sigħat tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Dwar il-mina jew pont, Casa qal li jilqa’ dan il-proġett iżda qal li la għadu fil-fażi tal-ippjanar se jirrikjeddi numru  ta’ snin li fihom jeħtieġ soluzzjoni fi żmien qasir.

Għaldaqstant huwa appella lill-Gvern biex fl-immedjat jibda jaħseb għax-xiri tar-raba’ vapur u min-naħa tiegħu wiegħed li lest jaħdem għal fondi Ewropej biex jintużaw għall-istess skop.

Dwar il-Gozo Channel, Casa qal li r-riżorsi tagħhom għandhom jiġu mmodernizzati u msaħħa.

Il-MInistru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li qed ikun diffiċli li jinstab dan ir-raba’ vapur minħabba l-kobor u d-disinn ta’ kif ġew immanifatturati t-tliet vapuri l-oħra.

“Għadna qed infittxu r-raba’ vapur” – Justyne Caruana