Raġel ta’ 19-il sena weħel 18-il xahar ħabs u multa ta’ €3,000 wara li nstab ħati li kawża feriti fuq raġel ieħor.

Il-każ imur lura għat-30 ta’ Ġunju 2017 għall-ħabta tas-6pm fi Triq il-Qbajjar Marsalforn. Ir-raġel, Marc Luigi Alwan kien aggredixxa raġel ieħor. Fil-Qorti Alwan kien qed jaffaċċja akkużi li kellu ħsieb jagħmel delitt, li uża sikkina biex ikkawża ġrieħi, li hedded il-persuna, li kiser il-paċi pubblika, li kiser ordni tal-Qorti u ordni ta’ probation kif ukoll li saq mutur bla ma kellu liċenzja.

Ir-raġel kien ħafer lil Alwan u kien qal li ma għandux interess jipproċedi kontrih. Il-każ instema xorta u Alwan irrifjuta li jkollu avukat tiegħu jew għajnuna legali.

F’Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, Alwan instab ħati u ġie kkundannat 18-il xahar ħabs, multa ta’ €3,000 u skwalifika tal-liċenzja tas-sewqan għal żmien sena. Ir-raġel kien ordnat jħallas l-ispejjez tal-Qorti u f’każ ma jħallashomx dawn jinbidlu fi 261 jum ta’ priġunerija.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.