Ir-rebbieħa tal-X Factor Malta, Michela Pace, iltaqat mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Fil-ġimgħat li għaddew Pace iltaqat mal-President Marie-Louise Coleiro Preca kif ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

READ: Filmat: Michela tiltaqa’ mal-President

READ: X Factor: Tirbaħ Michela Pace

Il-Kap tal-PN awgura kull suċċess lill-kantanta żagħżugħa.

Waqt il-laqgħa, Delia saħaq li l-artisti Maltin u Għawdxin jixirqilhom l-aqwa riżorsi li jgħinuhom sabiex isaħħu u jkabbru t-talent tagħhom filwaqt li jkun jistgħu jesprimu ruħhom bl-aħjar mod. Kompla jsostni li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ.

Delia u Pace waqt il-laqgħa ddiskuttew ukoll dwar il-pjanijiet tal-kantanta żagħżugħa li qalet li tixtieq tkompli tistudja l-kriminoloġija fl-Università ta’ Malta. Hi bħalissa tinsab tistudja f’livell post-sekondarju.

Pace se tkun qed tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest li se jsir f’Iżrael f’Mejju li ġej. L-organizzatur tal-X Factor Malta Anton Attard waqt il-laqgħa spjega li kien hemm sejħa għall-kompożituri lokali u internazzjonali. Qal li issa jinsabu fi proċess biex jagħżlu d-diska li biha Michela ħa tkun qed tirrapreżenta lil Malta.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm iċ-ċerman tal-PBS Anthony Portughese, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Charles Dalli u l-organizzatur tal-X Factor Malta Anton Attard.