Il-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija ministerjali dwar il-BOV qal li għaddew xi transazzjonijiet foloz. Qal li qed jagħmel din l-istqarrija bħala Prim Ministru minħabba li “l-bank huwa wieħed maġġuri għal Malta”.

Il-Prim Ministru kkonferma li kien hemm tranżazzjonijiet li ma kienux veru billi ntefgħu f’kontijiet oħra barra minn Malta. Qal li hemm mat-€13 miljun f’tranżazzjonijiet foloz iżda saħaq li l-BOV jaf fejn marru l-flus, ġo liema bank barranin u ġo liema kont. Hemm erba’ pajjiżi involuti li fihom marru dawn il-flus li kienu fil-munita Ewro, Dollaru Amerikan u Sterlina Ingliża.

Sostna li l-flus tan-nies mhumiex fil-periklu. Qal li mhix kwistjoni gravi bħal tal-films. Il-bank bħalissa għaddej minn proċess fejn is-sistemi qed jiġu ċċertifikati li m’għandhomx traċċi ta’ ineffiċjenza kawża tal-attentat malinn estern li seħħ fuq is-sistemi tagħhom.

Il-PM qal li seta’ kien hemm każijiet fejn klijenti barra minn Malta ġew affaċċjati bi problemi waqt li jħallsu bil-karti tal-kreditu tal-BOV. Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fejn għadd ta’ Maltin għadhom iridu jirċievu l-flus tas-servizzi soċjali.

Fi stqarrija li ħareġ, il-bank qal li ssospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank. Il-websajt tal-bank lanqas mhi aċċessibbli.

Sospiż is-servizz tal-BOV; il-fergħat magħluqa

Il-PM għamel din l-istqarrija fil-Parlament wara li qal li aktar kmieni warafonsinhar kellu laqgħa maċ-Chairman, mal-Kap Eżekuttiv u t-tmexxija tal-Bank of Valletta, fil-preżenza tal-Bank Ċentrali, l-MFSA, il-Ministru għall-Finanzi u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji.

“L-għaġla mhix prijorità” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-għaġla mhix prijorità. Fil-mistoqsijiet tiegħu lill-PM huwa staqsa hemmx problema fl-istruttura tal-bank biex ma jkunx hemm repetizzjoni tal-istess problema.

Staqsa jekk il-Gvern għandux informazzjoni dwar jekk ittieħdux flus mill-Bank jew anki informazzjoni privata tal-klijenti. Reġa’ saħaq li mhix kwistjoni ta’ għaġla iżda spjega li dan qed jistaqsih għas-serħan il-moħħ tal-klijenti.

Il-PM qal li dan huwa spirtu kooperattiv. Spjega li ħass li għandu jagħmel l-istqarrija ministerjali minħabba li skont il-PM l-bank involut għandu effett dirett fuq l-ekonomija Maltija.

Il-fatt li l-Bank induna hu bl-attakk qabel ma ġie mgħarraf mill-istrutturi internazzjonali jidher li l-bank għandu struttura soda. Saħaq li “mhux ċajta” li l-Bank jagħlaq l-operat tiegħu fi żmien 30 minuta li ġie mgħarraf bil-problema.