DOI - Reuben Piscopo

This slideshow requires JavaScript.

Il-Karnival tant popolari tan-Nadur, ġie mniedi lbieraħ mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis, u mas-Sindku tan-Nadur Edward Said.

Caruana qalet li l-Gvern irid ikompli jippromvovi lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha permezz ta’ bosta attivitajiet. Fost l-attivitajiet ma jonqosx il-Karnival Reġjonali għal Għawdex. Żiedet tgħid li l-karnival tan-Nadur isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Nadur. Qalet li l-Ministeru qed jinvesti fondi mhux biss għall-Karnival Reġjonal, iżda anke għall-karnival tas-sajf li beda s-sajf li għadda, u li kellu rispons tajjeb.

Parnis qal li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu viċin tan-nies u jridu jżommu l-lokalitajiet ħajjin. Faħħar lill-Kunsill Lokali tan-Nadur, għax bħal bosta Kunsilli Lokali oħra madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin, qed jagħmlu propju dan. Żied jgħid li jinsab ċert li din l-attività, li hi sussidjata taħt l-iskema Attivitajiet Kulturali, bħas-snin l-oħra preċedenti, se tagħti spinta kemm kulturali kif ukoll turisitka.

Mill-banda l-oħra, Said, irringrazjahom għas-sostenn biex kull sena titella’ attività bħal din. Kompla jgħid li r-raħal tan-Nadur sar sinonimu mal-Karnival f’Għawdex, fejn kull sena jattira numru kbir ta’ viżitaturi. Il-Kunsill Lokali tan-Nadur jorganizza kemm il-karnival organizzat li se jsir nhar l-24 ta’ Frar, kif ukoll dak spontanju li se jsir bejn l-1 u l- 5 ta’ Marzu.