Il-mandat tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi jiġi fi tmiemu f’Ottubru ta’ din is-sena. Rapporti fil-media internazzjonali qed jindikaw li s-suċċessur tiegħu jaf ikun ekonomista Franċiż. Rapport fuq CNBC ikkwota uffiċċjali għolja Ewropej li stqarru li hemm il-possibbiltà li l-kandidat li jmiss jaf ikun Franċiż, imma dan kollu jiddependi mir-riżultati tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru fix-xhur li ġejjin madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

L-istess uffiċċjali, li isimhom ma’ xxandarx fir-rapporti ta’ CNBC, qalu li Franza għandha iktar minn kandidat wieħed possibbli għal dan ir-rwol, filwaqt li l-Ġermanja hija iktar inklinata li titfa ħarsita lejn il-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, li hija l-id eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rwol għandu jsir vakanti matul din is-sena.

L-għidut fil-kurituri ta’ Brussell qed isemmu bħala ‘papabbli’ għal din il-posizzjoni lil Benoit Coeure, ekonomista Franċiż, li bħalissa huwa membru tal-eżekuttiv tal-bord tal-Bank Ċentrali Ewropew u lil Francoise Villeroy de Galhau, li preżentement iservi bħala l-gvernatur tal-Bank Ċentrali Franċiż. Fost persuni oħra li qed jissemmew hemm il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ġermaniż Jens Weidmann kif ukoll dak tal-Finlandja Olli Rehn, ma’ dawn qed tissemma l-Kap tal-Fond Monetarju Internazzjoni Christine Lagarde.

Il-proċess biex jintgħażel il-gvernatur jitlob li l-pajjiżi ewropej jinnominaw persuna għal din il-posizzjoni. In-nominazzjonijiet jiġu diskussi fost il-ministri tal-finanzi taz-zona ewro, kif ukoll fost il-leġislaturi fil-Parlament Ewropew. Iżda l-aħħar kelma taqa’ fuq il-kapijiet tal-istati taz-zona ewro, dan ifisser li d-deċiżjoni m’hijiex f’idejn il-Bank Ċentrali Ewropew iżda f’idejn il-politiċi.

 

L-ekonomiji ewropej jafu jkunu ta’ xkiel għat-tkabbir ekonomiku dinji fl-2019

Minkejja li hemm inċertezza dwar l-ekonomija Amerikana u dik Ċiniża fuq livell internazzjonali minħabba il-battibekki bejniethom magħrufa bħala ‘trade-wars’, hija l-ekonomija ewropea li qiegħda tinkwieta lil diversi investituri. Dan minħabba li t-tnaqqis fit-tkabbir ta’ diversi pajjiżi ewropej jaf iħalli impatt li jfixkel it-tisħiħ ekonomiku mhux biss ewropew iżda saħanistra dak internazzjonali.

L-aħħar indikaturi ekonomiċi juru li t-tkabbir ewropew matul din is-sena mistenni imajna tant li huwa mbassar li bilkemm jaqbeż il-1 fil-mija. L-indiċi tal-Bloomberg dwar l-ewro jimmarka fost l-inqas sa min nofs l-2017 ‘il hawn. Dan it-tħassib ikompli jinkwieta lil analisti ekonomiċi anki minħabba l-fatt li l-iktar ekonomija b’saħħitha fl-ewropa, dik Ġermaniża, għandha tbassir xejn feliċi anki minħabba l-fatt li rat tnaqqis fil-manifattura. Id-diffikultajiet qed ikunu esperjenzati fi Franza wkoll bi tnaqqis fl-infieq domestiku, anki ħabba d-diversi protesti magħrufa bħala ‘Yellow Vest’.

Skont i-deputat kap tal-ekonomija fil-kumpanija Allianz, jekk il-Ġermanja tmajna fil-manifattura u Franza tnaqqas fil-konsum, ir-riperkussjonijiet jinħassu b’mod serju fuq is-saħħa ekonomika ewropea.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.