Il-kantant lokali Dominic Cini spjega kif propju ftit tal-ħin qabel ma ħarġet l-aħbar tal-mewt tal-attur lokali Benny Casha, kien għadu kemm bgħatlu ċajta. Fuq Facebook, il-kantant spjega li rċieva l-aħħar messaġġ ta’ Benny lbieraħ fl-4pm. Sostna li l-mewt tiegħu ħallietu bla kliem u mbikkem.

Casha kien id-direttur tal-kumpanija Bronk Productions u magħruf għad-diversi drammi popolari li ħa sehem fihom fosthom l-Avukat Gawdenz Bilocca, Qegħdin Sew, Miraklu, Saħta fuq Uliedi kif ukoll diversi produzzjonjiet teatrali.

Imut l-attur popolari Benny Casha

Kienu bosta l-messaġġi ta’ dieqa li nxterdu fuq il-midja soċjali minn persuni viċin Casha. Ivan Grech, il-kantant tal-Winter Moods sostna li jinsab ixxukkjat b’din l-aħbar. Spjega li l-Isla tilfet wieħed mill-ulied leali tagħha.

Alex Agius Saliba, kandidat fl-elezzjoni tal-MEPs spjega li Casha kien ħabib sinċier u li dejjem lest jgħin lil kulħadd. Irringrazzjah tal-għajnuna u s-sapport li sab mingħandu tul l-aħħar xhur.

Intant, Joseph Borg, li huwa magħruf l-aktar bħala Ġorġ tad-doughnuts, insista li se jibqa’ jiftakar lil Casha bħala l-persuna li emmnet fih. Irrimarka li wasal fejn wasal bis-saħħa tiegħu.