Id-Demokratiċi qed jagħmlu sforz sabiex fl-Istati Uniti tiġi implimentata sistema ta’ leave imħallas għall-familja. Skont Reuters, dan huwa l-unika nazzjon li ma joffrix garanzija ta’ ħlas għall-ħaddiema li jkollhom jieħdu żmien barra mix-xogħol biex jieħdu ħsieb uliedhom u qraba oħrajn.

Il-proposta tkun tista’ tistabbilixxi programm ta’ assigurazzjoni nazzjonali li joffri lill-ħaddiema 12-il ġimgħa ta’ leave imħallas fis-sena meta jkun hemm wild ta’ tarbija, meta ssir adozzjoni jew ikun hemm bżonn li persuna tieħu ħsieb qarib li jkun marid serjament. Skont il-persuni li qed jissapportjaw dan l-abbozz, in-nuqqas ta’ leave għall-familja mħallas qed jaffettwa l-aktar lin-nisa li ġeneralment ikunu humu li jkollhom jieħdu ħsieb lit-tfal u lill-qraba li jkunu qed javvanzaw fl-età. Isostnu li l-Att tal-Familja li qed jiġi propost se jwassal il-politika nazzjonali sabiex tilħaq ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn.

L-Istati Uniti hija waħda minn ħames nazzjonijiet li ma għandhom l-ebda leave tal-maternita garantit. Skont il-World Policy Analysis Center li huwa grupp tar-riċerka fi ħdan l-Università ta’ Kalifornja, l-erba’ nazzjonijiet l-oħrajn huma Lesotho, il-Liberja, Papua New Guinea u l-Eswatini, li qabel kienet magħrufa bħala Swaziland. Il-leave għall-familja mhux l-ewwel darba li qed jiġi diskuss fil-Kungress madanakollu fis-snin preċedenti d-diskussjonijiet ma wasslu mkien.