F’Jum San Valentinu

14 ta’ Frar

Jgħidu illi Frar imqarqaċ

Xejn mhu ħelu, pjuttost kiefer,

U aħjar toqgħodlu ġewwa

Għax imqit u għandu d-dwiefer!

 

U għalkemm hu l-iktar qsajjar

Jaf ifawwar anke l-bjar;

Joħloq ħerba fi treqatna

Wil-widien jimtlew sax-xfar.

 

Imma għalkemm dan il-gwaj kollu

Iġib miegħu ġrajjiet sbieħ;

Kien f’daż-żmien li San Pawl tfarrak

U lil ġensna ħabb bi sħiħ.

 

Tul dax-xahar in-nies titbaħrad,

Titbaħnan fil-Karnival

Għax kif jgħid il-qawl minn tagħna

‘Mhux darbtejn insiru tfal!’

 

Il-borma fuq tlieta toqgħod –

Il-festa tal-maħbubin

Ma’ Frar tasal, mistennija

Rigal nixtru lil xulxin.

 

Ja ħanini kemm inħobbok

Kieku taf x’nagħmel għalik

Kieku għandi flus bix-xabgħa

Villa sbejħa kont nagħtik!

 

Fejn tkun tista’ tgħum, tixxemmex

Ġewwa l-isbaħ ‘swimming pool’,

L-‘air condition’ tgawdi komda

Sakemm għomrok hawn itul!

 

Imma għalkemm dawn bwieti vojta

Tibqa’ l-mimmi ta’ għajnejja;

Kieku nista’ l-jum kollu

Ma taħrabx minn taħt idejja!

 

Għax l-imħabba hija l-qofol

Tal-ferħ kollu tal-bnedmin

Tixbah ġnien mimli bil-fjuri –

Friefet, vjoli, ġiżimin!

 

U għalhekk għeżież qarrejja

Iftħu qalbkom għall-imħabba

Minn darkom barru l-mibegħda

U tħalluha qatt titrabba!

 

Bit-tajjeb pattu għall-ħsara

Li jagħmlulkom il-bnedmin

Imxu dejjem fuq il-passi

Tal-għażiż  Mgħallem divin.

 

Jiena ċert li b’hekk tħossukom

Dejjem hienja, ferħanin

Bla ma jkollhom dlonk tixxennqu

Għall-festa ta’ Valentin!

 

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex

 Qari: Charmaine Attard