Il-Bank APS avża lill-pubbliku li s-servizzi bankarji tiegħu ġew lura għan-normal. Dan ġie kkonfermat permezz ta’ stqarrija fejn ġie spjegat ukoll li l-bank se jkun qed jagħti lura xi spejjeż relatati ma’ ġbid ta’ flus, li tħallsu mill-klijenti li użaw l-APS Visa Debit card f’ATMs li m’humiex tal-Bank, fil-ħin li s-servizz tal-ATMs kien sospiż bejn it-13 u l-14 ta’ Frar.

“Serrħu raskom” – l-APS u l-HSBC lill-klijenti tagħhom

Ilbieraħ, il-Bank APS ħa miżuri ta’ prekawzjoni billi ssosspenda xi servizzi tiegħu, bħal ATMs, trasferimenti permezz ta’ cards u pagamenti minn u lejn il-Bank of Valletta, wara li l-Bank of Valletta ssospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank.

Aktar kmieni llum, il-BOV ħabbar li numru ta’ servizzi reġgħu ġew lura għan-normal. Dawn jinkludu l-użu mis-servizz tal-fergħat tiegħu madwar Malta u Għawdex, l-użu mill-ATMs, Internet Banking, Mobile Banking u l-użu tal-karti tal-BOV meta jkunu qed jixtru mill-ħwienet. L-unika servizz li għadu mhux aċċessibbli bħalissa huwa s-servizz ta’ ħlasijiet lil terzi parti. Il-bank sostna li se jkun qed javża lill-pubbliku fiż-żmien qarib dwar meta se jerġa’ jibda jiffunzjona dan is-servizz. Intant, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li l-pagamenti ta’ benefiċċji li għandhom isiru fis-16 ta’ Frar li normalment jidħlu f’kontijiet bankjarji tal-Bank of Valletta se jsiru “normali bħas-soltu”.

Il-pagamenti ta’ benefiċċji fil-kontijiet tal-BOV mhux affettwati – il-Gvern

Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel lil Customer Support Centre fuq 21226644.