Bank of Valletta ħabbar li s-servizz ta’ trasferiment ta’ flus minn kont bankarju mal-BOV għal kontijiet oħra, mal-BOV jew ma’ banek oħrajn, reġa’ huwa disponibbli.

Fi stqarrija, il-BOV qal li s-servizz tal-pagamenti SEPA reġa’ qiegħed jaħdem. Huwa spjega li hu qiegħed jaħdem qatigħ sabiex jerġa’ jkollu s-servizzi kollha tiegħu disponibbli. Aktar tagħrif għandu jiġi kkomunikat min-naħa tal-bank ladarba jkun hemm iżjed żviluppi.

Dan wara li lbieraħ il-bank ħabbar li numru ta’ servizzi reġgħu lura għan-normal, wara li jumejn ilu l-BOV issospenda temporanjament l-operat tiegħu, inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat estern fuq is-sistemi tal-bank. Waqt ir-rikonċiljazzjonijiet li jagħmel il-bank regolarment, ġie nnutat li kien hemm diskrepanzi fi 11-il pagament, b’total ta’ madwar €13-il miljun.

Numru ta’ servizzi tal-BOV lura għan-normal