50 atleta u l-kowċis tagħhom se jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Abu Dhabi fit-8 ta’ Marzu sabiex jipparteċipaw fl-Olimpjadi Speċjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-Palazz tal-Girgenti, id-Direttriċi Nazzjonali tal-Olimpjadi Speċjali Anna Calleja qalet li dawn l-atleti ilhom jittrenjaw għal dawn l-aħħar 18-il xahar, u issa jinsabu lesti biex jikkompetu. Huma għandhom jipparteċipaw fl-atletika, l-akwatika, il-bocce, il-bowling, il-bowling unifikat, golf, il-ġinnastika, iċ-ċikliżmu, it-triathlon, u anke table tennis.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Christabel D’amato, li hija d-Direttriċi tal-Isports fi ħdan Special Olympics Malta, li spjegat il-bidu tal-olimpjadi speċjali fl-Amerka. Hija qalet li din l-NGO tagħti ċans lil atleti b’diżabbiltà intellettwali sabiex jipparteċipaw fl-Olimpjadi Speċjali li jsiru kull sena. D’amato qalet li s-servizz tal-NGO jingħata b’xejn.

Il-President tal-Olimpjadi Speċjali, Michelle Muscat, qalet li din saret l-akbar NGO tal-isports għall-persuni b’diżabbiltà f’Malta, li għandha iżjed minn 1,800 atleta reġistrat. Dan sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Special Olympics Malta u l-Fondazzjoni Marigold. Hija qalet li l-proċess tal-ittrenjar għall-atleti u l-kowċis tagħhom kien possibbli bl-għawma annwali tagħha sabiex tiġbor il-fondi, wara li ħadet it-taħriġ meħtieġ ta’ kuljum mingħand id-Direttriċi Anna Calleja.

Il-konferenza ntemmet bl-atleti, il-kowċis u d-diretturi jieħdu l-ġurament tal-Olimpjadi Speċjali: Ħallini nirbaħ, imma jekk ma jirnexxilix nirbaħ, ħalli nkun kuraġġuż/a jien u nipprova.