Student ta’ 15-il sena li jattendi skola sekondarja mistenni jitressaq il-qorti b’akkużi relatati ma’ droga. Huwa se jittella’ wara ġurnata movimentata f’din l-iskola li ħalliet kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema bla kliem. Newsbook.com.mt tkellem ma’ sorsi qrib l-investigazzjoni.

Jidher li matul il-jum, din il-ġimgħa, għalliem u student ġihom suspett fi student fl-iskola. It-tmexxija tal-iskola ħadet passi immedjati u, skont il-policy imnedija fl-2001 sar rapport lit-tim dwar l-Abbuż ta’ Sustanzi fid-dipartiment tal-Edukazzjoni. Kemm it-tmexxija tal-iskola kif ukoll it-tim imxew fuq il-proċeduri stabbiliti u firdu għadd ta’ studenti mill-kumplament tat-tfal. Isejħet ukoll il-Pulizija u ntqal lill-Pulizija li wieħed mit-tfal kien deher idaħħal idu fil-parti ta’ quddiem tal-qalziet. Wara tfittxija mill-Pulizija, instabet ammont ta’ droga fuq il-persuna tat-tfajjel kif ukoll madwar €200 fil-kartiera tiegħu.

Minkejja li t-telefowns ċellulari huma pprojbiti fl-iskola, l-istudenti li kienu nġabru mill-iskola kellhom wieħed, inkluż l-istudent li fuqu nstabet id-droga. Jidher li student ieħor qal lill-Pulizija li dak l-istudent kien iġib id-droga mingħand ‘Għarab’.