Il-Ministeru għall-Ambjent spjega li fl-aħħar ġimgħat seħħ każ fejn l-Animal Welfare ġabret kelb żgħir mit-triq, li nstab ħdejn ħuh li ttajjar minn vettura u min tajjru baqa’ sejjer.

Din l-istorja qasamha ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Ministeru li spjega li dawn huma ċ-ċirkustanzi li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum l-uffiċjali fi ħdan l-Animal Welfare. Il-Ministeru kien qed iwieġeb sensiela ta’ domandi ta’ Newsbook.com.mt wara allegazzjonijiet li l-klieb fix-xelter tal-Għammieri kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet ħżiena.

“Qed naħdmu biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-Animal Welfare” – il-Gvern

Il-kelliem kompla jispjega li l-Ministeru qed jaħdem sabiex jgħin dejjem iktar lis-santwarji biex jonqsulhom il-piżijiet finanzjarji. Semma wkoll kif skont il-wiegħda tal-baġit, il-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna lil dawk li jadottaw l-annimali flok jixtruhom.