Fl-aħħar snin, skont statistika li ħarġet fil-Parlament jidher li l-ammont ta’ studenti li qed jirrepetu s-sena fil-kors tagħhom u qed jieħdu stipendju qed jonqos.

F’tabella ppreżentata mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, ġew maħruġa l-figuri tan-nefqa fuq dawn l-istudenti matul l-aħħar snin. Fis-sena skolastika tal-2018/2019, kien hemm total ta’ 651 student li wasslu għall-ispiża totali ta’ €146,340 fi stipendji sal-31 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Din il-figura naqset b’mod drastiku meta kkumparata ma’ dik tas-sena 2013/2014, fejn kien hemm total ta’ 1,043 student f’diversi istituzzjonijiet edukattivi li rrepetew is-sena u ħadu l-istipendju. Hawnhekk l-ispiża kienet telgħet għal €421,774.

Il-Ministru Bartolo kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Whip Laburista Byron Camilleri li staqsa għall-għadd ta’ studenti li rrepetew is-sena u ħadu l-istipendju fl-aħħar snin, kif ukoll għall-ispiża tal-Gvern minħabba dan.

L-għadd ta’ studenti li rrepetew is-sena u ħadu stipendju naqas matul is-snin, minkejja li l-ispiża f’ċertu snin għoliet. Propju fis-sena skolastika 2014/2015 kien hemm 1,031 student li rrepeta s-sena bin-nefqa totali tal-istipendji tagħhom titla’ għal €702,320. Fis-sena skolastika tal-2015/2015 kien hemm 976 student, bin-nefqa titla’ għal €736,728. Fis-sena 2016/2017 kien hemm total ta’ 848 student filwaqt li n-nefqa niżlet ukoll għal €598,082. Imbagħad, fis-sena 2017/2018 l-għadd ta’ studenti tela’ għal 934 filwaqt li n-nefqa kienet dik ta’ €510,716.